STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA
Kważi 165,000 persuna jaħdmu full-time
F’Awwissu 2014, l-ammont ta’ ħaddiema full-time fil-pajjiż kiber b’5,871, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, li jfisser li, matul l-aħħar tnax-il xahar, l-impjiegi full-time żdiedu b’16 kuljum. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istastika juru kif, f’Awwissu li għadda, l-ammont ta’ nies jaħdmu full-time laħaq ammont rekord ta’ kważi 165,000.
Għal darba oħra kien is-settur tas-servizzi li wera l-akbar żidiet fl-impjiegi. Jispikkaw żieda ta’ 1,033 impjieg fis-settur tas-servizzi amministrattivi, żieda ta’ 647 fis-servizzi tekniċi u professjonali u żieda ta’ 582 full-timer fl-informatika u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 547 impjieg fis-settur tal-bejgħ, żieda ta’ 318 impjieg fis-servizzi finanzjarji u tkabbir ta’ kważi 550 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li, fit-tnax-il xahar sa Awwissu 2014, kien hemm żieda ta’ 3,793 persuna mas-settur privat. Dan l-andament pożittiv seħħ minkejja tnaqqis ta’ 746 ħaddiem mas-settur privat minħabba t-tluq tal-Arriva. Mill-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, dawn il-ħaddiema reġgħu daħlu lura mas-settur privat.
Meta wieħed jikkunsidra l-effett tal-Arriva, it-tkabbir fl-impjiegi full-time mas-settur privat jiġi jlaħħaq l-4,539. Dan huwa ferm ogħla miż-żieda ta’ 2,728 li kien hemm fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti. Għal kull żewġ impjiegi aktar li kien hemm taħt il-Gvern preċedenti, taħt l-amministrazzjoni preżenti kien hemm żieda ta’ tlett impjiegi.
Fost l-aktar li gawdew minn din l-aċċelerazzjoni, wieħed isib il-ħaddiema Għawdxin. Filwaqt li, fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, kien hemm tkabbir ta’ 18-il impjieg biss f’Għawdex, din is-sena kien hemm żieda ta’ 389.
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinċentiva lis-settur privat biex joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Dan huwa l-mod li bih jiġi ġġenerat aktar ġid li jitqassam b’mod ġust fost il-familji Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046