Left arrow Go Back

JITĦABBAR PJAN TA’ AZZJONI DWAR KIF GĦANDU JIĠI INDIRIZZAT L-ISKART MILL-IKEL – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr150056
Date Icon 14/01/2015

“Dan huwa pjan ta’ azzjoni dwar kif għandu jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel li ser jiġi integrat fil-ġejjieni qrib fil-pjan nazzjonali edukattiv dwar l-immaniġġjar tal-iskart li ser jkun mifrux fuq medda ta’ tliet snin.” Dan ħabbru dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Lukanda Le Meridien, li ftit tal-ġimgħat ilu ħadet sehem importanti fil-kampanja nazzjonali favur it-tnaqqis tal-iskart li ġiet imnedija mill-kumpanija WasteServ.

Il-Ministru Brincat qal li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport huma frott tal-ħidma ta’ working group indipendenti, li kien ħatar huwa stess taħt iċ-Chairpersonship ta’ Ms Lisa Cassar Shaw, bil-għan li mhux biss jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel fid-djar Maltin u Għawdxin iżda wkoll dak l-iskart iġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali, tal-ikel u tal-catering.

Il-working group kellu rappreżentanza wiesgħa minn entitajiet direttament involuti fl-immaniġġjar tal-iskart mill-ikel bħas-setturi tal-catering u l-ospitalità, is-supermarkets, il-kunsilli lokali, is-settur tas-saħħa, l-operaturi tal-iskemi fil-qasam tal-iskart, akkademiċi, edukaturi u anki rappreżentanza tal-Oppożizzjoni.

Il-Ministru Brincat qal li sa mill-bidu nett huwa kien għamilha ċara li aktar milli xi rapport twil u dettaljat f’għamla ta’ teżi, ried pjan ta’ azzjoni li jista’ jitwettaq f’mod prattiku billi qabel xejn jidentifika dawk l-attivitajiet u sorsi li l-aktar qegħdin joħolqu skart mill-ikel fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.

Ir-rapport jagħfas kemm fuq in-nuqqas ta’ tagħrif xieraq dwar is-suġġett, dwar l-attitudni żbaljata ta’ għadd ta’ nies, dwar preferenzi ħżiena fl-għażliet li jsiru fix-xiri u fil-konsum, dwar il-bżonn ta’ ppjanar u labelling aħjar, dwar kif għandu jiġi maħżun (storage) l-ikel, dwar l-ippakkiġġjar innifsu, dwar  id-daqs tal-porzjonijiet tal-ikel servut kif ukoll dwar għadd ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi oħrajn.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi saru wkoll għall-istabbilimenti kummerċjali u tal-catering.

Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma qagħadx jistenna li jiġi ppubblikat dan ir-rapport biex jibda bil-ħidma tiegħu biex iqajjem kuxjenza akbar dwar dan is-suġġett. Dan għamlu diġà permezz ta’ riklami televiżivi, kif ukoll permezz ta’ kampanja li tinsab għaddejja kemm permezz ta’ led boards u anki permezz tas-social media taħt it-tema ta’ ‘Agħmel id-differenza’. 

Min-naħa tagħha ċ-Chairperson Ms Lisa Cassar Shaw qalet li dan il-working group li ltaqa’ diversi drabi waqt ix-xhur tas-sajf, mexa id f'id sabiex jiġi milħuq l-iskop ta' din l-inizjattiva. Dan sar grazzi għall-membri li attendew u pparteċipaw b'mod attiv waqt dawn il-laqgħat sabiex b'hekk tittieħed azzjoni sostenibbli fir-rigward tal-ħela tal-ikel. B'hekk Ms Cassar Shaw hi konvinta li l-fatt li l-working group kien iffurmat minn individwi minn setturi varji, wassal għal rapport konċiż u effettiv. Ms Cassar Shaw irringrazzjat lill-Ministru Brincat talli emmen fiha, kif ukoll lill-membri kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow