STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U S-SAĦĦA
Ippreżentata mozzjoni fil-Parlament biex il-Kamra tiddiskuti l-ftehim strateġiku bejn l-Enemalta u Shanghai Electric Power
Wara li l-Oppożizzjoni rrifjutat li jsir id-dibattitu parlamentari propost mill-Gvern dwar il-ftehim strateġiku bejn l-Enemalta u s-Shanghai Electric Power, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ppreżenta mozzjoni biex il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti dan l-ikbar investiment barrani li qatt ra pajjiżna u li kien meħtieġ biex jindirizza l-problemi finanzjarji kbar li tħallew jakkumulaw fl-Enemalta.
L-amministrazzjoni preċedenti ħalliet l-Enemalta b'aktar minn €840 miljun dejn, b'dipendenza totali fuq iż-żejt, bla ebda pjan u direzzjoni għall-futur. Dan il-ftehim, flimkien ma’ ħidma strateġika oħra li qed issir mill-Gvern, qed iwassal biex l-Enemalta tiġi lura fuq saqajha u tkun mutur ekonomiku tal-pajjiż. Permezz ta’ dan l-investiment, li qed jiggarantixxi l-futur tal-istess kumpanija b’effett pożittiv fuq il-finanzi tal-pajjiż, l-Enemalta se tkun tista’ ssir operatur reġjonali.
Dan il-ftehim strateġiku ġie milqugħ anke minn aġenziji ta' kreditu internazzjonali għaliex indirizza riskji kbar li l-Enemalta kienet qed tpoġġi fuq il-banek lokali u fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Id-dibattitu parlamentari dwar il-ftehim strateġiku max-Shanghai Electric Power, oriġinarjament kellu jsir fis-17 ta’ Diċembru li għadda, imma l-Oppożizzjoni kienet talbet lill-Gvern biex jipposponih. Din it-talba kienet ġiet aċċettata mill-Gvern, bil-ħsieb li d-dibattitu jsir fl-iqsar żmien possibbli. Kienet l-intenzjoni tal-Gvern li din id-diskussjoni ssir fl-ewwel ġimgħa li matulha reġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa tal-Milied, iżda l-Oppożizzjoni reġgħet oġġezzjonat.
Għalhekk il-Gvern ressaq din il-mozzjoni biex issir id-diskussjoni importanti dwar l-akbar investiment barrani li qatt ra pajjiżna. Mehmuż ma’ din l-istqarrija hemm il-mozzjoni ppreżentata mill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046
PR150055a.pdf