IL-MINISTRU EDWARD ŻAMMIT LEWIS U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI IAN BORĠ INIEDU FONDI TAL-UNJONI EWROPEA GĦAR-RESTAWR TAS-SAQAF TAS-SACRA INFERMERIA F’DAR IL-MEDITERRAN.
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg niedu fondi tal-Unjoni Ewropea allokati għar-restawr tas-saqaf tas-Sacra Infermeria f’Dar il-Mediterran. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-fondi Reġjonali Ewropej – ERDF.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis semma kif b’koordinament bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u s-Segretarjat għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej inġiebu fondi Ewropej fi żmien rekord. Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Edward Żammit Lewis fisser kif dan l-intervent ser jgħin sabiex jiżgura li s-saqaf oriġinali tas- Sacra Infermeria jiġi ppreservat u għaldaqstant insalvaw parti importanti mill-wirt kulturali tagħna. Apparti dan ser jiġi restawrat ukoll it-taraġ illi jieħu għal fuq il-bejt bl-idea li dan jinfetaħ sabiex turisti jkunu jistgħu jgawdu xena spettakolari u unika tal-port majestuż tagħna. Il-Ministru Edward Żammit Lewis tenna l-importanza tas-settur tal-konferenzi għat-turiżmu f’pajjiżna fejn is-sena l-oħra ġew madwar 120, 000 persuna f’pajjiżna sabiex jattendu konferenza jew oħra.
B’mod konkret il-Ministru għat-Turiżmu semma li ser titwaqqaf Conventions Malta. L-Għan huwa li Conventions Malta tpoġġi lil Malta fuq il-mappa ta’ settur daqstant importanti fl-industrija tat-turiżmu, bl-objettivi primarji, li nkomplu nattiraw aktar turisti ta’ kwalità bi spending power b’saħħtu fix-shoulder months. Din ser taħdem id f’id mad-destination management companies Maltin li diġà jagħmlu xogħol tajjeb f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Edward Żammit Lewis semma wkoll illi fi ftit jiem oħra b’xogħol li sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mis-settur privat ser tkun qed tiġi organizzata f’Malta, konferenza minn kumpanija tal-ogħla livell ta’ vetturi fl-Ewropa, li tfisser aktar minn 700 turist ta’ kwalità fix-xahar ta’ Jannar f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borġ spjega kif matul din l-aħħar sena, l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ministeru tat-Turiżmu ħadmu id f'id sabiex fondi ewropej jiġu investiti f'faċiltajiet turistiċi. Hu saħaq li dan il-proġett sewa €796,466 li minnhom €675,000 ġew ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt l-ass ta’ prijorità tat-turiżmu sabiex din il-ġawra arkitettonika mas-sur tal-Belt tkompli tikkumplimenta x-xogħol ta’ restawr li sar u li qed isir fuq l-istess belt.
B’dan l-investiment, tenna s-Segretarju Parlamentari, il-Gvern qiegħed jagħti prijorità lit-turist kif ukoll liċ-ċittadin Malti biex dan il-wirt storiku jkun restawrat kif jixraqlu post bħal dan. Huwa kompla spjega li dan il-proġett irid ikun lest sal-aħħar tas-sena 2015 peress li qed ikun iffinanzjat mill-programm 2007-2013.
Is-Segretarju Parlamentari tenna kif din is-sena hi importanti fit-titjib turistiku fejn ħa naraw l-għeluq tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ Sant Iermu, Sant Anġlu u issa wkoll tas-Sacra Infermeria.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046