GABI CALLEJA TINĦATAR CHAIRPERSON TAL-KUNSILL KONSULTATTIV LGBTI
Sena impenjattiva għall-Kunsill Konsultattiv LGBTI
L-attivista fil-qasam tad-drittijiet ċivili, Gabi Calleja għadha kemm inħatret bħala ċ-Chairperson il-ġdida tal-Kunsill Konsultattiv LGBTI.
Hija se tkun qed tieħu post Cyrus Engerer li rriżenja minħabba l-impenji ta’ xogħol tiegħu barra minn Malta.
Cyrus Engerer fisser kif f’temp ta’ anqas minn sentejn ta’ ħidma, il-Kunsill Konsultattiv għamel kisbiet bla preċedent f’pajjiżna għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI. Qal li minkejja dan, għad hemm aktar xi jsir biex nassiguraw li legalment f’pajjiżna niksbu l-ugwaljanza għal persuni LGBTI.
Matul l-2014, il-Kunsill Konsultattiv LGBTI li hu ffurmat minn diversi NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ċivili, kien strumentali biex f’pajjiżna setgħet tiddaħħal il-liġi tal-unjoni ċivili.
Fl-aħħar xhur, dan il-Kunsill ħadem ukoll fuq abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess li tiegħu kien hemm l-ewwel qari fil-Parlament.
Is-sena 2015 se tkun waħda ta’ sfidi fil-qasam tad-drittijiet ċivili fejn anke mistennija tibda konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-koabitazzjoni.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili rringrazzjat lil Cyrus Engerer għall-impenn tiegħu bħala l-ewwel chairperson ta’ dan il-kunsill.
Fl-istess ħin awgurat lil Gabi Calleja kull suċċess fit-tmexxija ta’ dan il-Kunsill Konsultattiv LGBTI.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046