STQARRIJA PARLAMENTARI TAL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT DWAR IR-REFERENDUM ABROGATTIV LI SE JSIR NHAR IS-SIBT 11 TA’ APRIL 2015
12 ta’ Jannar 2015
Nixtieq naġġorna lil din il-Kamra dwar is-sejħa ta’ referendum abrogattiv dwar il-kwistjoni tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Fl-aħħar xhur, is-soċjetà ċivili permezz ta’ diversi għaqdiet ġabret biżżejjed firem skond l-Att dwar ir-Referenda biex tipproponi referendum sabiex jitħassru l-liġijiet u regolamenti li permezz tagħhom il-Gvern Malti jista’, kif tippermettilu l-Liġi Ewropea, jidderoga mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea, u jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċirkostanzi partikolari.
Id-dritt ta’ din id-deroga kien ġie nnegozjat mill-Gvern Malti mmexxi minn Eddie Fenech Adami qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u din ġiet użata kemm mill-Gvern ta’ qabel kif ukoll minn dan il-Gvern.
F’kull elezzjoni ġenerali minn dakinhar, inkluż fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament urew l-intenzjoni li jkomplu jagħmlu użu minn din id-deroga għal staġun tal-kaċċa limitat.
Iżda nkunu qed nistaħbew wara subgħajna jekk ma ngħidux li f’ pajjiżna ilha teżisti għal bosta snin diskussjoni qawwija u polarizzata, xi drabi karatterizzata minn estremi fuq iż-żewġ naħat, dwar din il-kwistjoni.
Lil hemm mid-diskussjoni dwar is-suġġett, li l-mertu tagħha mhux beħsiebni nidħol fih llum, naħseb li bħala politiċi irridu nifhmu li l-proċess li wassal għal dan ir-referendum huwa sinjal taż-żminijiet. Huwa sinjal li d-dominanza tal-politiċi fit-teħid tad-deċiżjonijiet qed tonqos. Huwa sinjal ieħor ta’ dak li personalment ilni ngħid, jiġifieri li żmien il-partiti politiċi kif nafuhom spiċċa, u li minn żmien għall-ieħor se naraw il-miġja ta’ movimenti sporadiċi li jingħaqdu fuq temi differenti. Mhux bilfors li wieħed dejjem jaqbel ma’ dawn it-temi, iżda l-fenomenu, ngħid għalija, huwa wieħed eċitanti fir-rikorrenza tiegħu.
Il-politiċi jridu jifhmu u jgħixu ma’ dan il-fenomenu f’qafas fejn il-partiti politiċi jridu jittrasformaw ruħhom f’ bażi u għodda ta’ Gvern għal movimenti usa’.
Il-petizzjoni miġbura għaddiet mill-istadji rikjesti mil-liġi, inkluż l-iċċekkjar mill-Kummissjoni Elettorali u, wara rikorsi li saru, mill-iskrutinju tal-Qorti Kostituzzjonali.
Tajjeb li ngħid li wara li nbeda dan il-proċess, din il-Kamra irċeviet quddiemha petizzjoni oħra b’ ħafna aktar firem tappella biex l-Att dwar ir-Referenda jinbidel. Il-fehma ġenerali hija li la proċess beda b’ sett ta’ regoli, dawn ir-regoli m’ għandhomx jinbidlu.
Bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali, id-data ta’ dan l-ewwel referendum abrogattiv ta’ din id-demokrazija moderna, kellha tkun stabbilita għal bejn id-9 ta’ April u 9 ta’ Lulju 2015.
Qabel ma nkompli, tajjeb li nindirizza punt li tqajjem u naħseb se jerġa’ jitqajjem mill-Kap tal-Oppożiżżjoni, jiġifieri dwar ta’ min hi l-prerogattiva tal-għażla tad-data. Jekk din hix fid-diskrezzjoni tal-President jew inkella jekk il-President timxix fuq parir tal-Prim Ministru.
Mhix l-intenzjoni tiegħi li nidħol f’ kontroversji jew li ndaħħal lil Presidenza f’ kontroversji. Ngħid biss li mxejt fuq parir formali tal-Avukat Ġenerali, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab ikkonfortat ukoll mill-fatt li ninsab infurmat li l-President talbet parir legali indipendenti u li dan ikkonferma l-posizzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Jekk hemm bżonn ta’ kjarifiċi għal dan il-proċess għal każi fil-futur, dawn jistgħu isiru f’diskussjonijiet fiż-żmien li ġej.
Kien hemm essenzjalment tlett għażliet li setgħu jsiru dwar id-data tar-referendum.
L-ewwel għażla kienet li dan isir fis-sajf. Din l-għażla ġiet skartata għaliex ma nemminx li pajjiżna għandu jagħmel nofs sena f’kampanja referendarja. Għandna affarijiet aktar importanti li rridu niffukaw fuqhom.
It-tieni għażla kienet li jsir b’mod li l-kampanja jew il-vot ikunu waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa, li ż-żewġ naħat f’din il-Kamra dejjem qalu li għandu jinfetaħ kull sena. Din kienet tkun għażla infeliċi jekk mhux ukoll irresponsabbli, biż-żewġ kampijiet iduru u jagħqdu wara xulxin, u b’ akkużi ta’ provokazzjoni fuq naħa u intimidazzjoni fuq l-oħra. Is-soċjetà ma kien isirilha l-ebda ġid minn sitwazzjoni li taqa f’dan il-livell, u isem pajjiżna fil-media internazzjonali ma kien isirlu l-ebda ġid.
Għalhekk, l-għażla l-aktar sensibbli hija li dan isir fil-11 ta’ April, li hija l-ewwel data disponibbli wara s-sentenza tal-Qorti.
Jekk ir-referendum jagħti r-riżultat li l-liġijiet li jipprovdu għad-deroga tal-kaċċa għandhom jibqgħu, l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa jinfetaħ immedjatament fil-linja tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ornis. Jekk ir-referendum jagħti r-riżultat li l-liġijiet li jipprovdu għad-deroga għandhom jitneħħew, l-istaġun tal-kaċċa ma jinfetaħx.
B’hekk tkun rispettata r-rieda tal-poplu.
Dan iġibni għal punt dwar il-mistoqsija ta’ dan ir-referendum fejn inħolqot sitwazzjoni li hija ftit problematika.
Tajjeb li ngħid li l-mod ta’ kif issir il-mistoqsija mhux deċiżjoni tal-Gvern iżda hija ddettata mill-petizzjoni u mil-liġi.
Is-sitwazzjoni inħolqot minħabba diskrepanzi bejn il-verżjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż tal-Att dwar ir-Referenda, kif ukoll mill-mod kif inhi miktuba l-petizzjoni li ġiet ippreżentata u diskrepanzi bejn il-verżjoni bil-Malti u bl-Ingliż tal-istess petizzjoni.
Id-diskrepanza ma teżistix fl-Artikolu 3 li jiddefinixxi kif u dwar x’ hiex għandha ssir il-mistoqsija. Il-kwistjoni tinsab f’ Taqsima V li effettivament tirregola referendum abrogattiv bħalma hu dan.
Jekk wieħed isegwi l-verżjoni bil-Malti kemm tal-liġi kif ukoll tal-petizzjoni, il-mistoqsija hija “Taqbel illi d-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar Qafas biex tiġi permessa Deroga li tiftaħ l-istaġun tal-Kaċċa tal-Gamiem u tas-Summien fir-Rebbiegħa (Leġislazzjoni Sussidjarja 504.94) għandhom jibqgħu fis-seħħ?”.
Hawn min jaqbel mall-kaċċa jivvota “iva”, u min ma jaqbilx jivvota “le”.
Min-naħa l-oħra bil-verżjoni bl-Ingliż, kemm tal-liġi kif ukoll tal-petizzjoni, il-mistoqsija hija “Do you agree that the provisions of the Framework for allowing a Derogation opening a Spring Hunting season for Turtle Dove and Quail Regulations (Subsidiary Legislation 504.94) should not continue in force?”.
Hawn, bil-maqlub tal-verżjoni bil-Malti, min ma jaqbilx mall-kaċċa jivvota “iva”, u min jaqbel jivvota “le”.
Minħabba f’din id-diskrepanza pjuttost serja, intalab parir tal-Avukat Ġenerali, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-parir hu bbażat fuq il-prinċipju stabilit f’Artiklu 74 tal-Kostituzzjoni li jipprovdi li f’każ ta’ kunflitt bejn il-verżjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż ta’ liġi, tirbaħ il-verżjoni bil-Malti.
Filwaqt li l-għażla tal-verżjoni bl-Ingliż mhux bilfors tkun qed tikser il-liġi, tkun iżjed tista’ tiġi attakkata għaliex ma jkunx ġie segwit il-prinċipju dwar il-verżjoni bil-Malti li joħroġ mill-Kostituzzjoni.
Għalhekk, ibbażat fuq dan il-parir dwar l-interpretazzjoni tal-liġi u anki fuq li qalet il-Qorti Kostituzzjonali li kkwotat il-verżjoni bil-Malti tal-petizzjoni, il-mistoqsija fir-referendum tal-11 ta’ April se tkun “Taqbel illi d-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar Qafas biex tiġi permessa Deroġa li tiftaħ l-istagun tal-Kaċċa tal-Gamiem u tas-Summien fir-Rebbiegħa (Leġislazzjoni Sussidjarja 504.94) għandhom jibqgħu fis-seħħ?”.
Bl-Ingliż tkun “Do you agree that the provisions of the Framework for allowing a Derogation opening a Spring Hunting season for Turtle Dove and Quail Regulations (Subsidiary Legislation 504.94) should continue in force?”.
Għalhekk, min irid li d-deroga għal kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa tintuża jivvota “iva”, u min ma jridx jivvota “le”.
Nerġa nagħmilha ċara li din il-mistoqsija toħroġ mill-petizzjoni li kienet ikkonfermata mill-Qorti Kostituzzjonali, u mil-liġi wara parir tal-Avukat Ġenerali.
Kif għidt, mhix l-intenzjoni tiegħi li llum niddiskuti l-materja tar-referendum. Iżda rrid nirreġistra dak li diġà għidt pubblikament.
L-ewwel nett, nemmen li din il-kampanja għandha titmexxa mis-soċjetà ċivili u organiżazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat. Il-partiti politiċi għandhom jagħmlu l-wisgħa. Nista’ ngħid li din hija l-intenzjoni tal-Partit Laburista li jien mmexxi.
Dan ma jfissirx li l-politiċi m’għandhomx opinjoni. L-opinjoni tiegħi kulħadd jafha għaliex ilni ngħidha mill-inqas seba’ snin u m’għandha tkun sorpriża għal ħadd. Jien nemmen li d-dritt li Gvern jagħżel japplikax din id-deroga bil-limitazzjonijiet tal-liġi Ewropea għandu jibqa’.
Naf li mhix l-aktar posizzjoni popolari u li ninsab f’ minoranza. M’inix popolari la mal-ambjentalisti, li ma jaqblux magħha u lanqas mall-kaċċaturi, għaliex l-aħħar protesta li organiżżaw uħud minnhom kienet kontrija wara li għalaqt l-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa.
Iżda qed nieħu din il-posizzjoni ta’ minoranza għaliex dan li nemmen, lil hinn mill-kwistjoni tal-kaċċa, naħseb li hemm punti aktar fundamentali, fosthom li ġeneralment int trid taġixxi biex iżżid u mhux iċċaħħad minn dak li jeżisti. Dan minbarra li nemmen li qed insegwi mandat li ngħatajt personalment.
Ovvjament, la sħabi tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari, u lanqas fil-Partit Laburista ma huma marbutin ma’ dan. Kulħadd huwa liberu li jieħu l-posizzjoni u deċiżjoni li jaħseb hu.
Biss, bħala Prim Ministru u Mexxej, ma nemminx li nista’ noqgħod gallarija. Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’ naħseb anki jekk naf li l-maġġoranza ma taqbilx miegħi.
Tajjeb inżid li flimkien mar-referendum se jkunu qed isiru ukoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Qed ngħaqqdu dawn iż-żewġ avvenimenti għaliex fil-pajjiż hawn sinjali ċari ta’ electoral fatigue u ma jagħmilx sens li n-nies jintalbu joħorġu jivvutaw darbtejn fi ftit xhur. Wara li saret konsultazzjoni, dawn għandhom ikunu ukoll l-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jsiru b’ mod spezezzat. Il-Gvern se jressaq emendi li jirriflettu qbil, mhux unanimu iżda ġenerali, li r-round li jmiss isir fl-2019 għal pajjiż kollu flimkien mall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. B’hekk indaħħlu aktar razzjonalità fis-sistema u ninkoraġixxu l-parteċipazzjoni.
L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April se jfissru ukoll pass ieħor storiku għal pajjiżna u demokrazija tagħna. Dan għaliex għall-ewwel darba iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena se jingħataw id-dritt tal-vot.
Dan huwa pass sinjifikanti li jikkonferma demokrazija avvanzata li qed tħaddem valuri progressivi. Dan huwa punt li minnu nistgħu mmorru ‘il quddiem biss, fejn wara li nanaliżżaw din id-deċiżjoni, jasal iż-żmien li neżaminaw li l-età tal-vot titnaqqas ukoll għall-konsultazzjonijiet elettorali oħra, fosthom l-elezzjoni ġenerali.
Fl-aħħar nett irrid ninnota li l-għażla tal-11 ta’ April tfisser li ġimgħa qabel jum il-votazzjoni se jaħbat l-Għid. Mhux l-ewwel darba li ħabtu festi waqt kampanji u saħansitra lejlet il-vot.
Nemmen li s-sens komun se jwassal lil partiti politiċi biex jaqblu dwar it-tul tal-kampanja għal Kunsilli Lokali u li din tibda, ngħidu aħna, fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, kif ukoll li ma jkunx hemm ikkampanjar fi ġranet partikolari tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Konvint li l-partiti jistgħu jaslu għal ftehim. Nittama li l-organiżazzjonijiet li se jmexxu l-kampanji referendarji jagħmlu l-istess.
L-appell tiegħi huwa li fil-kampanja, speċjalment dik referendarja, iż-żewġ naħat jaraw li d-diskussjoni ssir fit-trankwillità u serenità. Huwa b’ rispett reċiproku li naraw li kulħadd jifhem l-argumenti u tittieħed l-aħjar deċiżjoni li minn issa niddikjara li l-Gvern u jien se nkun qed nirrispetta.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046