IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ŻAMMIT LEWIS INIEDI SENSIELA TA’ AVVENIMENTI B’RABTA MAL-MITT SENA TAL-AVJAZZJONI F’MALTA
Il-Viżjoni tal-Gvern hi li noħolqu ‘aviation cluster’
Fl-2015 Malta ser tkun qed tfakkar il-mitt sena mill-bidu tal-Avjazzjoni f’pajjiżna. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis elenka diversi kisbiet f’dan is-settur u spjega kif pajjiżna se jkun qiegħed jikkommemora dan l-anniversarju ferm importanti, fejn ser jiġu organizzati diversi avvenimenti marbutin mal-mitt sena t’Avjazzjoni f’Malta.
Il-Ministru Edward Żammit Lewis fl-indirizz tiegħu tkellem fuq diversi suċċessi fl-industrija tal-avjazzjoni fosthom meta nbena l-ewwel ajruport ċivili fl-1958, meta sseħibna fl-ICAO (International Civil Aviation Organization) fl-1959, meta twaqqfet il-kumpanija tal-ajru nazzjonali l-Air Malta fl-1973 u meta saret l-estensjoni tar-Runway sabiex b’hekk setgħu jinżlu ajruplani ikbar u diversi fl-1977. F’dawn il-mitt sena, il-Ministru sostna kemm inbnew sisien sodi u kemm tassew nistgħu nħarsu ‘il quddiem, għaliex għandna l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis semma l-ħidma li qed issir fi ħdan is-settur, fejn qegħdin nippromwovu aktar attività wiesgħa relatata mal-industrija tal-Avjazzjoni; ħidma wkoll biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem fir-riċerka tal-avjazzjoni.
Qed issir ukoll reviżjoni tal-att li jirregola r-reġistrazzjoni tal-ajruplani - Aircraft Registration Act. Permezz ta’ din ir-reviżjoni nkunu nistgħu nattiraw aktar servizzi fl-avjazzjoni, kemm diretti w anke indiretti, li jistgħu joħolqu impjiegi ġodda.
Huwa maħsub, kompla l-Ministru, li waqt serata li se tittella’ fit-12 ta Frar 2015 ssir ċerimonja fejn ser jiġu rikonoxxuti persuni li taw sehem kbir fl-Avjazzjoni Maltija. Huwa spjega li tħejjew numru ta’ kriterji u se jintalbu diversi nominazzjonijiet fl-industrija, sabiex persuni jiġu nominati minn kollegi fil-qasam tagħhom stess. In-nomini se jkunu qed jintlaqgħu sal-aħħar ta’ Jannar u se jkun hemm kumitat indipendenti sabiex jikkonferma dawk l-aktar ivvutati.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis semma wkoll, kif hemm propost li tittella’ open day it- Tlieta, 10 ta’ Frar f’diversi kumpaniji ewlenin tal-Avjazzjoni li tista’ sservi ferm tajjeb bħala ħarġa għall-familja kollha. Qed jiġi ppjanat ukoll Fly Past minn diversi ajruplani ta’ kumpaniji Maltin u possibilment il-Forzi Armati ta’ Malta li qed tkun ikkoordinata mill-AOPA.
Barra minn hekk, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis ħabbar li l-istudenti kemm tas-sekondarja u tal-post sekondarja kollha se jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’kompetizzjoni tal-arti marbuta mat-tema tal-mitt sena tal-avjazzjoni f’Malta u li l-kriterji tal-istess kompetizzjoni se tasal dalwaqt fl-iskejjel. Il-pitturi miġbura se jkunu esebiti fil-Ministeru għat-Turizmu u l-artisti rebbieħa se jkunu magħżula minn ġudikanti apposta għal din il-kompetizzjoni.
Il-Ministru għalaq billi tenna li l-impenn tiegħu fis-settur tal- Avjazzjoni, ma jibqax wieħed biss limitat għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani, iżda li jinħoloq cluster. Dan ifisser servizzi oħra apparti r-reġistrazzjoni tal-ajruplani bħall-aircraft leasing u aircraft finance li joħolqu aktar dħul u opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità f’pajjiżna.
Il-Ministru Edward Żammit Lewis irringrazzja wkoll lis-Civil Aviation Directorate fi ħdan Transport Malta, Malta International Airport, Air Malta u s-settur privat kollu tax-xogħol li dawn iwettqu sa issa u tad-determinazzjoni tagħha li nibqgħu mexjin ‘il quddiem.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046