Left arrow Mur Lura

STUDJU TAL-BANK ĊENTRALI JIPPREVEDI TITJIB SOSTANZJALI FIT-TURIŻMU FROTT IL-POLITIKA TAL-GVERN

pr150038
Date Icon 12/01/2015

Studju indipendenti magħmul minn ekonomisti tal-Bank Ċentrali jikkonferma li l-politika tal-Gvern, li tippermetti ċerti lukandi biex iżidu n-numru tas-sulari tagħhom, mistenni jkollha impatt ekonomiku pożittiv. Kien f’Settembru li għadda li l-MEPA ħabbret li lukandi eżistenti u ġodda ta’ tliet stillel jew aktar jistgħu jestendu l-binja tagħhom abbażi ta’ kriterji speċifiċi, fosthom li ma jkunux f’żoni skedati jew żoni ta’ konservazzjoni.

Dan l-istudju - http://www.centralbankmalta.org/file.aspx?f=1118 – ibassar li din id-deċiżjoni twassal għal żieda permanenti fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna ta’ kważi 0.3% kull sena. L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jipprevedu li se jkun hemm 18-il lukanda li tinvesti biex tkabbar in-numru ta’ sulari, li jissarraf f’żieda ta’ 1,100 sodda. Dan l-investiment se jlaħħaq mal-€100 miljun fuq erba’ snin.

Għalhekk, il-ġid nazzjonali jiżdied b’mod permanenti bi kważi 0.3%, li jfisser tkabbir ta’ 0.4% fl-impjiegi, jew kważi elf ruħ aktar jaħdmu bi qligħ. It-tkabbir ekonomiku mistenni jirriżulta wkoll f’titjib permanenti fid-defiċit fiskali tal-Gvern ta’ 0.1% tal-prodott gross domestiku, u titjib simili fil-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiżna.

In-numru ta’ ljlieli li jgħaddu t-turisti barranin f’Malta mistenni jiżdied bejn 150,000 u 300,000 lejl b’riżultat ta’ din il-politika. L-istudju jirrimarka li jekk il-politika ta’ investiment fil-lukandi tiġi akkumpanjata ma’ kampanji biex ikompli jitjieb il-prodott turistiku u biex jiżdied it-turiżmu fix-xitwa, l-impatt makroekonomiku jiżdied sewwa.

L-istudju jinnota t-titjib sostanzjali fl-industrija turistika matul l-2013 fejn f’Malta kien hemm żieda ta’ kważi 10% filwaqt li f’pajjiżi Ewropej li jinsabu fil-Mediterran kien hemm żieda ta’ 6%. Jgħid ukoll li anke matul l-2014 kien hemm titjib sinifikanti minkejja r-rekords li kienu ntlaħqu s-sena ta’ qabel.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ l-industrija turistika f’pajjiżna. Il-lukandi huma fost l-azjendi li l-aktar se jgawdu mir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’Marzu li ġej. Din il-miżura, flimkien ma’ oħrajn imħabbra fil-Budget 2015, se tagħti nifs lill-investituri privati u tkompli ssostni ż-żieda fil-ħolqien tal-impjiegi.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow