MILIED F’GĦAWDEX 2014: SUĊĊESS
Is-sentiment ġenerali tan-negozji Għawdxin hu li fil-perjodu tal-Milied 2014 in-negozju kien aħjar minn dak tal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel (2013). Uħud min-negozji rreġistraw żieda ta’ bejn 10% u 15% filwaqt li oħrajn kellhom żieda ta’ bejn 25% u 35%.
Bethlehem f’Għajnsielem żaruh 101,850 viżitatur - żieda ta’ kważi 30,000 aktar mill-ħames edizzjoni tas-sena ta’ qabel.
Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo waqt żjara għand operaturi varji tan-negozji dalgħodu. Il-Ministru Anton Refalo żar il-lukanda Grand Hotel u Rexy Restaurant f’Għajnsielem u l-istabbilimenti kummerċjali fl-Arkadia u The Duke fil-Belt Victoria.
F’kull tmiem il-ġimgħa kien hemm rispons tajjeb mir-ristoranti tant li wħud minnhom baqgħu miftuħin il-ġurnata kollha minħabba l-ammont kbir ta’ klijenti li fittxew is-servizzi tagħhom.
L-akkomodazzjoni fil-lukandi kienet relattivament tajba, b’ħafna lukandi jirrappurtaw okkupanzi għoljin ħafna, speċjalment fil-weekend tal-aħħar tas-sena.
Il-farmhouses, speċjalment dawk stabbiliti, ukoll irrapurtaw okkupanzi tajbin speċjalment meta wieħed iqis li l-moda hi li n-nies jiċċelebraw l-ikla tal-aħħar tas-sena f’farmhouse pjuttost milli f’ristorant. L-operaturi iżgħar ukoll ibbenefikaw minn din il-moda billi krew il-proprjetà tagħhom lis-suq domestiku u saħansitra anke lil Għawdxin oħra.
Fl-aħħar tas-sena ħafna lukandi għal darb’oħra rrappurtaw konkorrenza tajba għan-New Years Eve Gala Dinner. Dwar ristoranti kien hemm rapporti mħallta. Ħafna ristoranti stabbiliti rrappurtaw klijentela tajba filwaqt li oħrajn irrappurtaw andament kajman. Imma dan kien mistenni minħabba d-drawwa ġdida ta’ żamma ta’ ikliet fil-farmhouses.
Negozji fin-naħa ta’ fuq tal-Belt Victoria rreġistraw tnaqqis minħabba x-xogħlijiet fit-toroq li għadhom għaddejjin.
Il-Ministru għal Għawdex qal li kollox ma’ kollox, l-isforzi li saru permezz tal-Kampanja Milied f’Għawdex flimkien mar-riklamar li sar dwarha, issarrfu f’suċċess anke jekk f’jiem partikolari ħakem il-maltemp u żamm ħafna persuni lura milli jaqsmu lejn Għawdex.
Il-Ministru Anton Refalo qal li “kulħadd seta’ jinnota ż-żieda fit-turiżmu intern speċjalment fi tmiem il-ġimgħa ta’ qabel il-Milied. Dan kien dovut anke għall-attrazzjonijiet li ġibdu lejhom eluf ta’ nies – Bethlehem f’Għajnsielem u Dinja tat-Tfal. Ridna li t-tfal barra li jedukaw ruħhom, jiddevertu wkoll u jaħsbu f’ħaddieħor. It-tqassim ta’ elf bambin waqt din l-attività ntlaqgħu tajjeb ħafna fejn intwera li għad hawn ħafna li jemmnu li ċ-ċentru tal-Milied hu Ġesù Bambin”.
Dinja tat-Tfal kienet organizzata għall-ewwel darba u attendew disat elef tifel u tifla. Il-Kumitat Milied f’Għawdex ra li kien hemm nuqqas ta’ attivitajiet immirati għat-tfal u għalhekk kienu organizzati tlett ijiem ta’ festa għat-tfal kollha. Dawk li attendew f’Dinja tat-Tfal u fil-Villaġġ tal-Milied fil-Gozitano Agricultural Village taw offerti għall-Istrina.
B’kollaborazzjoni ma’ Puttinu Cares, tfal li qegħdin jingħataw servizz minn din l-NGO ingħataw rigali li għażlu huma stess.
Bħala parti mill-inizjattiva Dinja tat-Tfal kien hemm abbinat magħha vjaġġ għal Disneyland f’Pariġi. It-tfal fl-iskejjel primarji ngħataw kartolina fejn kupun li kien hemm magħha intefa’ f’kaxxa f’diversi postijiet tal-Milied f’Għawdex. Dan il-vjaġġ intrebaħ minn Jacob Attard miż-Żebbuġ, Għawdex, li f’Marzu li ġej flimkien ma’ qarib li se jakkumpanjah se jmur tour ta’ erbat ijiem f’Disneyland Paris.
Matul il-ġimgħa ta’ qabel il-Milied kien hemm ukoll tliet presepji ħajjin f’Għajnsielem, in-Nadur u x-Xagħra barra wirjiet varji u presepji madwar Għawdex kollu li kienu attrazzjoni għal dawk li żaru Għawdex.
“Ridna wkoll nesportaw il-prodott li qegħdin noffru biex Għawdex ikun stabbilit bħala destinazzjoni unika tal-Milied. B’kollaborazzjoni mal-MTA, fil-bidu tas-sena, tliet Maġi telqu mill-Belt Ġermaniża ta’ Cologne u waslu Bethlehem f’Għajnsielem nhar il-Ħadd, 4 ta’ Jannar 2015. Intgħażlet Cologne għax kien qed jitfakkar il-850 anniversarju minn meta r-relikwi tat-tliet maġi Caspar, Melchior u Balthazar waslu hemm. Din kienet okkażjoni importanti li sservi, apparti l-ispettaklu folkloristiku u reliġjuż, bħala opportunità importanti fejn saret promozzjoni għal Għawdex fil-Ġermanja f’perjodu importanti ħafna, meta f’Cologne kienu jinżammu ċelebrazzjonijiet kbar biex ifakkru l-miġja tar-relikwi tal-Maġi.” kompla l-Ministru Anton Refalo.
Filwaqt li fit-tliet snin 2010, 2011, 2012 il-kumpanija Gozo Channel rat li kien hemm tnaqqis sena wara l-oħra fin-numru ta’ vjaġġi, ta’ passiġġieri, u ta’ vetturi, is-snin 2013 u 2014 raw żieda tant li issa l-figuri ssuperaw dawk tas-sena 2010.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo temm jgħid li “ma rridux nieqfu hawn. Tlabt lill-Kumitat Milied f’Għawdex biex sa tmiem dan ix-xahar iħejji evalwazzjoni tal-programm kollu li sar u fejn hemm bżonn titjib isiru r-rakkomandazzjonijiet neċessarji ħalli jkunu kkunsidrati fit-tfassil tal-programm ta’ din is-sena. Nirringrazzja lilkom ilkoll li għażiltu Għawdex għal żmien il-Milied. Nirringrazzja wkoll lill-artisti varji u lill-voluntiera kollha li taw sehemhom biex ikun hawn numru ta’ attrazzjonijiet, lill-operaturi kummerċjali li qamu għall-okkażjoni, lil dawk kollha li pprovdew xi servizz.”
Dawk li jixtiequ jressqu s-suġġerimenti tagħhom għandhom jagħmlu dan sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Jannar 2015 fuq l-email tas-Segretarja tal-Kumitat Milied f’Għawdex: catherine.b.cauchi@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046