INAWGURAT UFFIĊJALMENT L-UFFIĊĊJU TAL-KUNSILL TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦAWDXIN
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura uffiċjalment l-uffiċċju tal-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin. Il-Ministru Refalo saħaq li parti sostanzjali mill-ispiża tal-Gvern tmur għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Dan billi spiża bħal din mhix kapriċċ imma investiment fil-futur ta’ pajjiżna. Iżda l-edukazzjoni taf ma ssarraf xejn jekk ma tkunx akkumpanjata minn politika li ssarraf f’ġid u benefiċċju għaż-żgħażagħ.
Biex kwalunkwe strateġija jew policy governattiva tkun suċċess, trid tkun ibbażata fuq provi konkreti, fuq esperjenza u għarfien dwar il-valuri u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ.
Eżerċizzju bħal dan ma jinvolvix sempliċiment ġbir ta’ statistika – għalkemm wieħed dejjem irid jibda minn eżerċizzju bħal dan – imma jeħtieġ ukoll li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti li jipparteċipaw attivament fis-soċjetà billi titkattar il-viżibilità tal-istess żgħażagħ. Kien għalhekk, tenna Anton Refalo, li “kienet ilha tissemma l-ħtieġa li f’Għawdex jitwaqqaf Kunsill li jirrappreżenta liż-żgħażagħ, bħala mezz ġdid u strutturat biex jintlaħaq dan il-għan. Permezz tat-twaqqif tal-Kunsill taż-Żgħażagħ, ġiet attwata wegħda oħra ta’ dan il-Gvern biex verament tingħata vuċi liż-żgħażagħ Għawdxin u biex dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ Għawdex.” Dan f’oqsma diversi bħall-edukazzjoni u taħriġ, l-impjiegi u n-negozju, is-saħħa, l-attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, u l-kreattivitaà u l-kultura.
Il-Kunsill taż-Żgħażagħ għandu l-għan li jkun vuċi effettiva għaż-żgħażagħ Għawdxin u jgħinhom jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fil-ħajja amministrattiva, soċjali, ekonomika, kulturali u edukattiva tal-gżira. Għandu jgħin ukoll lill-Gvern billi jsib interlokutur għas-settur.
Mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura, il-Ministru għal Għawdex beda jiltaqa’ mal-istakeholders biex jifhem iktar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ Għawdxin. Għawdex għandu bżonnijiet speċjali u allura jirrikjedi wkoll trattament speċjali. Huma l-Għawdxin infushom li jridu jkunu proattivi u jinsġu politika li verament tkun tinkwadra l-bżonnijiet tagħna.
Kif kien imwiegħed il-Ministeru qed jgħaddi uffiċċju fi Triq Enrico Mizzi lill-Kunsill taż-Żgħażagħ biex iservi bħala lokal minn fejn jopera.
Filwaqt li l-Ministru feraħ lill-ħamsa u għoxrin għaqda li rreġistraw l-interess tagħhom biex jingħaqdu fil-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin ħeġġeġ biex jibqgħu jiġu inkoraġġuti għaqdiet oħra biex jissieħbu f’dan il-Kunsill matul il-kors tal-ħidma tiegħu. Il-Ministru Refalo ħabbar ukoll li illum (9 ta’ Jannar) is-sussidju li jingħata lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta, irċevewh għall-ewwel darba dirett fil-kont bankarju tagħhom.
Il-Ministru Refalo jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq il-mejda tal-konsultazzjoni ujiħares ’il quddiem biex jiddiskuti magħhom każijiet pertinenti kontemporanji li huma ta’ interess għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ Għawdex.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046