TITNIEDA L-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA GĦAR-REVIŻJONI TAL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAT-TURIŻMU
‘Politika u viżjoni għat-turiżmu; naċċertaw tkabbir sostenibbli’
Waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika għar-reviżjoni tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis qal li dan il-Gvern se jibqa’ kommess bl-impenn tiegħu biex is-settur tat-turiżmu jkompli jkattar il-ġid u jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Għal dan il-għan il-Ministeru għat-Turiżmu ħass il-ħtieġa biex jirrevedi u jtejjeb il-Politika għat-Turiżmu Nazzjonali għall-perjodu 2015-2020.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis sostna li s-suċċess kontinwu fl-industrija għat-turiżmu f’Malta jista’ biss ikun sostnut jekk ikun mibni u mħejji fuq qafas sod ta’ politika tat-turiżmu bi strateġija ċara.
Il-Ministru għamel referenza għal studju indipendenti ippubblikat jumejn ilu minn żewġ ekonomisti tal-Bank Ċentrali fejn qed jindika u jipprevedi titjib konsiderevoli fis-settur turistiku. Dawn l-ekonomisti qed ibassru li l-height limitation adjustment policy li ser twassal biex lukandi jżidu n-numru ta’ sulari u jkabbru żoni komuni fl-istess sular ser iwassal għal żieda ta’ elf u mitt sodda, investiment ta’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ erba’ snin, żieda ta’ elf impjieg produttiv u tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna ta’ circa 0.3% kull sena.
Il-Konsultazzjoni Pubblika tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu huwa bla dubju eżerċizzju li jeħtieġ il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-industrija kemm jekk huma politiċi, il-pubbliku ġenerali, settur privat, kif ukoll direttament jew indirettament fl-industrija turistika. Il-Ministeru għat-Turiżmu se jkun qed jistenna l-kummenti u s-suġġerimenti minn dawn il-partijiet kollha qabel ma jiġi iffinalizzat dan id-dokument importanti, tenna l-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Id-Dokument tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu ġie ifformulat fuq numru ta' parametri li huma meqjusa essenzjali għall-kompetittività kontinwa tal-pajjiż bħala destinazzjoni turistika, stqarr Dr Edward Zammit Lewis.
Dan l-abbozz ta’ dokument li ġie preparat wara konsultazzjonijiet wiesgħa mar-rappreżentanti tal-industrija u partijiet interessati oħra, qed jiġi rilaxxat għall-Konsultazzjoni Pubblika b’hekk qed tiġi riflessa l-pożizzjoni tal-Gvern vis-à-vis l-iżvilupp sostenibbli kontinwu tat-turiżmu lejn Malta, Għawdex u Kemmuna b’konformità max-xejriet u l-iżviluppi internazzjonali, kif ukoll il-viżjoni soċjali u ekonomika tal-Gvern għall-pajjiż.
Din il-Politika għat-Turiżmu qed tkun ifformulata wkoll fuq il-bażi ta’ viżjoni aktar fit-tul li se twassal sal-2030. Din il-viżjoni hija ffukkata fuq il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli bil-għan li jitħarsu l-aspetti pożittivi ta' attrazzjoni tal-pajjiż bħala destinazzjoni turistika għall-benefiċċju tal- viżitaturi u l-popolazzjoni ospitanti bl-istess mod.
Dan id-Dokument għall-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu huwa mifrux fuq il-premessa biex l-immaniġġjar xieraq u l-ippjanar tal-industrija tat-turiżmu tagħna jistrieħu fuq tliet pilastri ewlenin: dawk tal-aċċessibbiltà, il-ġenerazzjoni tad-domanda tat-turiżmu permezz ta' attivitajiet ta' marketing u t-titjib kostanti tal-forniment tat-turiżmu permezz ta' żvilupp tal-prodott u inizjattivi ta' assigurazzjoni tal-kwalità. Din tagħti wkoll rikonoxximent lill-ispeċifiċitajiet ta' Għawdex bħala destinazzjoni distinta, filwaqt li tieħu nota tat-tkabbir tas-suq tat-turiżmu domestiku.
Din il-politika se twitti t-triq għal destinazzjoni biex tadatta dawn il-prerekwiżiti għal suċċess kontinwu kemm fuq livell tal-Gvern, kif ukoll mill-industrija nnifisha b'tali mod li l-pajjiż jibqa' jieħu benefiċċji mit-turiżmu biex insostnu l-istatus ta’ pajjiżna bħala stat Ewopew ekonomikament modern.
‘Ninsab ħerqan għal perjodu produttiv ta’ konsultazzjoni pubblika fejn nistieden lil-pubbliku inġenerali u l-partijiet interessati kollha għal diskussjoni bl-aktar mod wiesgħa sabiex nattiraw u niġġeneraw suġġerimenti u ideat li jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju nazzjonali’, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046