STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA
Pajjiżna bl-aqwa livell ta’ ottimiżmu fiż-żona Ewro
Malta reġgħet kellha l-aqwa livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona Ewro. L-istħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea, li sar fost l-azjendi u l-konsumaturi Maltin u Għawdxin, juri li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku laħaq il-livell ta’ 112.3, jew 12% aktar mill-medja reġistrata kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur.
Il-kejl osservat f’Diċembru kien f’kull qasam aktar għoli mill-medja reġistrata u għalhekk il-livell ta’ ottimiżmu f’pajjiżna huwa mifrux prattikament fost is-setturi kollha.
Matul dan l-aħħar xahar kien hemm titjib fil-kunfidenza fost azjendi li joperaw fis-servizzi kif ukoll fost dawk fl-industrija. F’dawn iż-żewġ setturi kien hemm titjib fid-domanda li wassal għal żieda fl-impjiegi. Il-maġġoranza tal-kumpaniji qed ibassru li ser ikomplu jimpjegaw anke aktar nies magħhom fix-xhur li ġejjin.
Dan l-ottimiżmu fost l-azjendi qed jiġi rifless ukoll f’aktar kunfidenza fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-familji f’pajjiżna huma fost il-ftit madwar l-Ewropa li qed isostnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tjiebet fis-sena ta’ qabel. Il-familji f’pajjiżna jaħsbu wkoll li dan it-titjib ser ikompli anke din is-sena. L-istħarriġ jikkonferma li n-nies iħossu li f’Malta kien hemm tkabbir ekonomiku ċar u li l-qgħad se jkompli jonqos.
L-ottimiżmu tal-familji f’pajjiżna qed jirrefletti f’bejgħ akbar. Statistika tal-Eurostat turi li, matul Novembru, il-bejgħ tal-ħwienet żdied b’1.8%, jew bi tliet darbiet aktar miż-żieda reġistrata fiż-żona Ewro. Dan it-titjib joħroġ ukoll minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru li fl-ewwel ħdax-il xahar tal-2014 kien hemm żieda ta’ €40 miljun, jew 4.1%, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-istess statistika tikkonferma li, matul l-ewwel ħdax-il xahar tal-2014, kien hemm żieda ta’ €379 miljun fl-importazzjoni ta’ kapital u makkinarju. Din tfisser żieda qawwija fl-investiment f’pajjiżna u mistennija twassal għal iktar aċċelerazzjoni fit-tkabbir ekonomiku.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-klima ta’ stabbiltà u fiduċja f’pajjiżna, fost l-inċertezza u l-awsterità li teżisti madwarna, fosthom bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2015 li huma mmirati biex jiġġeneraw aktar tkabbir ekonomiku li jissarraf fil-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046