IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ŻAMMIT LEWIS U L-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX DR. ANTON REFALO JINDIRIZZAW L-OKKAŻJONI TAL-GOZO TOURISM AWARDS 2014
Waqt l-okkażjoni tal-għoti tal-Gozo Tourism Awards 2014, il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis qal li din hija okkażjoni fejn nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lil numru ta’ individwi li taw kontribut partikolari lejn it-turiżmu Għawdxi.
‘Din hija okkażjoni tajba sabiex nirriflettu dwar l-importanza tal-individwu fl-industrija tat-turiżmu; industrija fejn il-kwalità tal-kuntatt personali mal-viżitatur tista’ tagħmel id-differenza bejn esperjenza pożittiva u waħda negattiva’.
Din il-konsiderazzjoni hi aktar importanti fil-każ ta’ Għawdex, fejn aħna nafu li ħafna mit-turisti li jiġu – u jerġgħu jiġu – f’din il-gżira, jagħmlu dan għaliex jesperjenzaw Għawdex aktar mill-qrib. Meta jżuru Għawdex, il-maġġoranza tat-turisti jitħalltu mal-Għawdxin, iżuru l-irħula, jipparteċipaw fil-festi u l-avvenimenti reliġjużi u kulturali oħra, sostna l-Ministru għat-Turizmu.
‘Ma ninsewx ukoll illi skont figuri l-aktar riċenti (2014), 37% ta’dawk li kienu żaru Għawdex kienu ‘repeat visitors’. Ta’ minn jirrimarka li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2014, it-turisti f’Għawdex żdiedu bi kważi 8% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet u f’dan l-istess perjodu, iż-żieda fid-‘daytrippers’ kienet ta 9%. Fl-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet, aktar minn tlett miljuni u nofs passiġġier ivjaġġaw lejn Għawdex, żieda ta’ kważi 7% f’passiġġieri li qassmu lejn il-gżira Għawdxija meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena 2013. Fil-fatt, it-tlett xhur tas-sajf li għadda, irreġistra rekord ta’ numru ta’ passiġġieri li qassmu bejn Malta u Għawdex partikolarment fix-xahar t’Awwissu.
‘Dawn l-‘awards’ qegħdin ukoll jirrikonoxxu u jippremjaw uħud minn dawk li emmnu u nvestew fis-settur turistiku Għawdxi. Grazzi għal dawn, u ħafna oħrajn bħalhom, żgħażagħ Għawdxin jistgħu jibdew jibnu karriera f’oqsma differenti marbutin mat-turiżmu, mingħajr il-bżonn li jfittxu x-xogħol f’Malta’ sostna l-Ministru għat-Turiżmu. Bl-isforzi ta’ dawn l-imprendituri, il-prodott turistiku Għawdxi qiegħed dejjem jiġedded u jiġi mżewwaq b’attrazzjonijiet u faċilitajiet ta’ kwalità. Grazzi għall-kuraġġ u ‘foresight’ ta’ nies bħal dawn, l-ekonomija Għawdxija tista’ tgawdi miż-żieda fil-kummerċ lokali ġġenerat mill-hekk imsejjaħ ‘multiplier effect’ tal-attività turistika, irrimarka l-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis.
‘Nassigurakom li l-isforz ta’ kull wieħed u waħda minnkom għandu l-appoġġ ta’ dan il-Gvern. Aħna kommessi li Għawdex ikollu post ċentrali fil-politika ekonomika nazzjonali, u speċjalment dik turistika. Dan il-‘commitment’ hu rifless fid-dokumenti Viżjoni għat-Turiżmu sas-sena 2030 u Politika Aġġornata għat-Turiżmu sas-sena 2020, maħsubin sabiex nistabbilixxu viżjoni aktar realistika għat-turiżmu lejn Malta u Għawdex’.
Il-Ministru Zammit Lewis kompla jgħid, ‘li dawn ser jiġu preżentati għall-konsultazzjoni pubblika. Inħeġġu lil kullħadd sabiex jaqra dawn id-dokumenti u jagħtina s-suġġerimenti tiegħu. L-għan ta’dan il-Gvern hu li jkompli jsaħħaħ is-sostenibilità tal-industrija turistika Għawdxija, sabiex din issir is-sors ta’ aktar impjiegi għall-Għawdxin, kif ukoll isservi ta’ mutur għal kummerċ f’Għawdex’.
‘Filwaqt li nifraħ lir-rebbieħa f’kull kategorija ta’ dawn l-‘Awards’, nawgura sena mimlija suċċess lill-ħaddiema u l-imprendituri fil-qasam turistiku Għawdxi, kif ukoll lill-kommunità Għawdxija kollha’, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis.
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo qal li s-sena 2014 kienet sena oħra ta’ suċċess fil-qasam turistiku għal Għawdex, b’żidiet fil-viżitaturi lokali u internazzjonali. Għawdex huwa destinazzjoni turistiku ta’ kwalità u l-istatistika uffiċċjali turi li l-gżira jirnexxielha tiġbed turist li huwa ta’ kwalità ogħlja. Is-suq Għawdxi sena wara sena qed juri żieda inkoraġġanti. Is-settur turistiku Għawdxi huwa kunfidenti li għall-ewwel darba fl-istorja, fis-sena 2014, Għawdex kellu rekord t’iktar minn miljun viżitatur barrani.
Is-sinjali kienu l-iktar inkoraġġanti matul il-perjodu Jannar sa Marzu, perjodu li huwa ġeneralment meqjus bħala kwiet. Skont statistika uffiċċjali fis-settur tal-lukandi, iż-żieda fl-iljieli minn turisti barranin, kienet ta’ 11% meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu, se jibqa’ jaħdem biex itejjeb il-pożizzjoni t’Għawdex fis-suq, bħala destinazzjoni differenti li toffri esperjenza unika f’ambjent rurali nadif, rilassanti u mogħni b’arti, storja u kultura.
Il-Ministru Refalo qal li tul l-2014, il-Ministeru għal Għawdex mexxa kampanji estensivi ta’ reklamar lokali u internazzjonali maħsuba biex ikabbru l-għarfien u l-interess fid-destinazzjoni, kompla t-titjib fl-infrastruttura biex ir-riżultat aħħari jkun prodott imtejjeb li jiġbed iktar turisti lejn il-gżira. Barraminnhekk, il-film By the Sea maħdum minn Angelina Jolie u Brad Pitt ser ikun reklam tajjeb għal Għawdex.
‘Il-mira tagħna hija fuq kollox li niżviluppaw prodott turistiku distint’ stqarr il-Ministru Dr. Anton Refalo. Il-Ministeru għal Għawdex għandu strateġija biex ikabbar it-turiżmu billi jinkoraġġixxi niċeċ partikolari li jġibu turiżmu ta’ kwalità għolja ħafna matul is-sena kollha, fosthom it-turiżmu kulturali, sportiv, reliġjuż, edukattiv, mediku, u dak rurali. Nemmnu li Għawdex għandu jkollu wkoll post adegwat għall-laqgħat, konferenzi u events li jiġbdu niċċa oħra ta’ turiżmu ta’ kwalità.
Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo feraħ lir-rebbieħa u stqarr li ‘r-rebbieħa għandhom iservu ta’ role models li fuqu għandhom jimxu l-ħaddiema u intraprendituri f’dan is-settur hekk importanti għall-ekonomija Għawdxija.’
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046