ĦIDMA SABIEX IL-FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN ISSIR WAĦDA AKTAR AĊĊESSIBBLI
Illum waqt konferenza stampa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-persuni b’diżabilità ħabbret li se tkun qed tħejji rapport iddettaljat sabiex il-faċilitajiet isiru aktar aċċessibbli. Dan ir-rapport se jsir mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità wara li saru diversi laqgħat mal-management tal-faċilità minħabba problemi ta’ nuqqas ta’ aċċessibiltà u fejn b’kollox bħalissa hemm 7 persuni b’diżabilità residenti f’din il-faċilità.
Bħala regolatur il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità se tkun qed tassigura li l-Faċilità Korrettiva hija attrezzata u aċċessibbli għall-bżonnijiet diversi ta' persuni b'dizabilità residenti, filwaqt li l-Focal Point Nazzjonali tħares l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-persuni b’diżabilità tkun qiegħda sseħħ. Dan qalu ċ-Ċermen tal-KNPD Oliver Scicluna fil-preżenza tas-Sur Darmanin, National Focal Point għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Dizabilità.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li dan l-eżerċizzju huwa turija ċara ta’ kif is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-persuni b’diżabilità qed jaħdem permezz tal-Focal Point Nazzjonali u b’diskussjonijiet mal-Kummissjoni kontinwi sabiex jara li l-konvenzjoni u l-liġi għall-opportunitajiet indaqs tiġi rispettata u għalhekk il-persuni b’dizabilità ikunu fejn ikunu jingħataw id-drittijiet tagħhom u jiġu trattati b’dinjità. Sabiex l-aġenda tad-diżabilità verament tiġi attwata skont il-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ħarġet xahar ilu, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-istess politika, se jkun qed isir dan l-eżerċizzju f’entitajiet differenti u f’kollaborazzjoni ma’ Ministeri differenti. Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li permezz ta’ dawn il-miżuri minn drittijiet fuq il-karta issa qed ngħaddu għall-fatti.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat li l-għan tar-rapport li se tħejji l-kummissjoni se jkun gwida sabiex jinħolqu faċilitajiet aktar aċċessibbli f’pajjiżna. Wasal iż-żmien li verament ikollna strutturi aċċessibbli għal kulħadd u mhux nimxu b’management by crisis meta tqum l-eventwalità. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-Ministru Abela u lill-istaff kollhu li aċċettaw biex jaħdmu flimkien għal dan l-għan u antiċipat li se jkun hemm eżerċizzju simili f’entitajiet band’oħra li se jiġu mħabbra dalwaqt u dan fil-kuntest tal-ħidma bla heda li l-Gvern qed iwettaq favur il-persuni b’diżabilità u l-aġenda tagħhom.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela rringrazzja lill-KNPD u lis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva li qed jissuperviżjonaw il-Ministeri kollha biex tiġi implimentata l-Politika Nazzjonali dwar id-Diżabiltà. Il-Ministru qal li dan il-Gvern diġà beda jieħu azzjoni sabiex persuni b’dizabilitajiet differenti jgħixu b’dinjità fil-Facilità Korrettiva. Spjega kif diġà saret rampa fl-entratura tal-viżitaturi u rampa oħra barra l-kappella. Barra minn hekk, ċella partikolari u diviżjoni ġew immodifikati sabiex isiru aktar aċċessibbli. Persuni b’piż żejjed qed ikunu mħeġġa wkoll jipparteċipaw fi klassijiet apposta ta’ attività fiżika.
Il-Ministru qal li attenzjoni partikolari trid tingħata wkoll lil dawk il-persuni li għandhom diżabilitajiet intellettwali u mhux biss fiżiċi, u għalhekk għandha tiġi studjata l-possibiltà li kull persuna li tidħol fil-Facilità Korrettiva biex tiskonta piena ta’ priġunerija tkun assessjata minn tim multi-dixxiplinarju li jkun jinkludi social workers, tobba, u anke psikjatri biex ikun żgurat li s-sentenza ta’ priġunerija tkun waħda rijabilitattiva.
Hemm persuni oħra li għandhom bżonn attenzjoni partikolari fil-Facilità Korrettiva, spjega l-Ministru, bħal persuni transgender li bħalissa jinsabu fid-Diviżjonijiet tal-Irġiel iżda li meta jgħaddi l-Gender Identity Bill, ikunu jistgħu jagħzlu f’liema diviżjoni joqgħodu.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali temm jgħid li hu importanti li kull persuna li tkun fil-Facilità Korrettiva tpatti tal-ħażin li għamlet lis-soċjetà billi minn ġewwa l-Facilità stess trendi servizz lura lill-pajjiż u li jkun parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046