Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

PR150015
Date Icon 06/01/2015

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’isem il-Gvern Malti, filwaqt li jemmen fil-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, iħoss li għandu r-responsabbiltà li jiċċara allegazzjonijiet u stqarrijiet żbaljati u li jiżgwidaw, li saru f’konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat minn organizazzjoni ġdida msejħa Alleanza Bidla.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin mhux se jidħol fil-mertu tat-twemmin li tħaddan din l-Alleanza, imma jrid jiddikjara li l-Gvern Malti, fl-ebda ħin u fl-ebda dikjarazzjoni, ma għamel stqarrijiet żbaljati u m’għamel lanqas stqarrijiet “verament tal-biża’ u mimlija miżinformazzjoni”, kif allegat mill-kelliem tal-Alleanza.

Il-Gvern Malti ripetutament iddikjara li l-interess aħħari tiegħu huwa li jara l-għaqda fi ħdan il-poplu Libjan u għal dan il-għan għandu rekord ta’ koperazzjoni u involviment fl-inizjattivi u l-attentati kollha li saru s’issa kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mir-rappreżentant tal-Ġnus Maqgħuda, Bernardino Leon, biex dan iseħħ.

Il-Gvern Malti, kif qal f’okkażjonijiet oħra, mexa mal-linja politika maqbula fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar kif nittrattaw il-kawża Libjana. Il-Gvern Malti bħall-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea, qed isegwi b’reqqa l-linji ta’ gwida mogħtija mill-Unjoni Ewropea u qiegħed f’kuntatt dirett u kontinwu kemm mar-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ma’ dak tal-Ġnus Maqgħuda.

Il-Kelliem tal-Alleanza Bidla huwa skorrett meta jgħid li pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qegħdin jirrikonoxxu b’xi mod il-gvern “ta’ Tripli”. Kontra dak li qal il-kelliem, l-Ambaxxatur Libjan f’Londra huwa Zintani u jaħdem f’isem il-gvern ta’ Tobruk. L-Italja għad għandha ambaxxatur Libjan li ilu hemm minn żmien il-Prim Ministru Ali Zeidan u għalkemm il-Gvern ta’ Tobruk innotifika lill-Gvern Taljan li se jibgħat Charge d’Affairs ġdid, dan sa llum għadu ma wasalx. Dwar il-Ġermanja, il-kelliem kien żbaljat ukoll għaliex sa minn Lulju tal-2013, l-ambaxxatur kien dak li wkoll kien nominat mill-Prim Ministru Ali Zeidan. Fit-30 ta’ Diċembru 2014 il-Gvern “ta’ Tripli” iddeċieda li jneħħi l-fiduċja tiegħu f’dan l-ambaxxatur. Sal-lum il-Ġermanja ma bidlitx lil dan l-ambaxxatur, kontra dak li ntqal mill-Alleanza Bidla. Dawn huma ftit eżempji biex wieħed juri kemm huma skorretti d-dikjarazzjonijet li qed isiru minn din l-organizzazzjoni.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinnota wkoll li filwaqt li ġie mgħajjar li qed jgħaddi miżinformazzjoni meta qal u ġedded it-twissija biex il-Maltin jevitaw l-ivjaġġar lejn il-Libja, għal raġuni mhux magħrufa l-vjaġġ lejn il-Libja b’mistiedna li kien se jorganizza l-Alleanza Bidla, skont dan il-kelliem ġie pospost għaliex, skont l-istess kelliem “riedu jaraw kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni u ma ridux jieħu riskju b’ħajjet ta’ ħadd”. Jekk il-kelliem hu daqshekk ċert li t-twissija tal-Ministeru hija maħruġa b’intenzjoni ħażina, għaliex ħass li għandu jipposponi dan il-vjaġġ?, jistaqsi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinnota d-dikjarazzjoni li l-Alleanza Bidla mhux qed tirċevi xi fondi minn xi mkien biex issostni l-attività tagħha. Min-naħa l-oħra l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ma jaqbilx mal-Alleanza Bidla li l-pożizzjonijiet li qed jieħu huma “bla sens, stupidi u inkwetanti u bl-aktar mod sfaċċat ma tirrifletti xejn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra” u jħalli f’idejn il-poplu biex jiġġudika min qiegħed jieħu ħsieb b’serjetà l-interessi ta’ pajjiżna u min, filwaqt li jiddikjara li Malta l-Ewwel u Qabel kollox, qed ipoġġi l-ewwel u qabel kollox l-interessi ta’ pajjiż barrani.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow