STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Huwa verament ironiku li l-Oppożizzjoni li, fil-leġislatura li għaddiet mill-Gvern kienet responsabbli għal żieda ta' 39 ċenteżmu fil-prezz tal-petrol u 36 ċenteżmu fil-prezz tad-diesel, issa qed issejjaħ l-aħħar tnaqqis fil-prezzijiet tal-fuel bħala miżeru.
Statistika miġbura mill-Kummissjoni Ewropea turi bl-aktar mod ċar li l-prezzijiet tal-fuel f'Malta huma ferm inqas minn dawk tal-pajjiż ġar tagħna, l-Italja. Filwaqt li f'pajjiżna l-petrol jiswa €1.42 kull litru, fl-Italja jiswa €1.57. Bl-istess mod, f'pajjiżna l-prezz tad-diesel huwa ta' €1.35 kull litru filwaqt li fl-Italja jiswa €1.47.
L-istess fl-Ingilterra fejn il-prezz tal-petrol huwa €1.47 u l-prezz tad-diesel huwa €1.54 kull litru.
Filwaqt li bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, il-prezz tal-petrol kien tħalla jiżdied b'39 ċenteżmu u d-diesel tħalla jiżdied b'36 ċenteżmu, minn April 2013 - jiġifieri l-ewwel xahar sħiħ ta' din l-amministrazzjoni – sa llum il-petrol jiswa 9 ċenteżmi anqas u d-diesel jiswa 5 ċenteżmi anqas.
Kien biss Gvern preċedenti li ħa deċiżjonijiet żbaljati fuq il-petrol u d-diesel li wasslu biex il-piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin, biex jużaw it-transport privat tagħhom, tħalla jogħla.
L-amministrazzjoni preżenti mhux biss irnexxilha tnaqqas dak il-piż imma hija kommessa li, fix-xhur li ġejjin, taħdem għal aktar roħs u stabbilita`.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046