Left arrow Go Back

AN ANALYSIS OF TYPES OF ERRORS IN PUBLIC PROCUREMENT WITHIN THE STRUCTURAL FUNDS PROGRAMMES

PR-150273mt
Date Icon 11/02/2015

L-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Onor. Speaker rapport intitolat ‘An Analysis of Types of Errors in Public Procurement within the Structural Funds Programmes’. Din l-analiżi saret b’kollaborazzjoni ma’ tmien Uffiċċji tal-Verifika fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. L-analiżi ffukat fuq żbalji fl-akkwist pubbliku fil-kuntest tal-Fondi Strutturali, osservati u kategorizzati mill-Awtoritajiet. Dawn huma d-Diviżjoni għall-Ippjanar u l-Kordinazzjoni tal-Prijoritajiet, fir-rwol tal-Awtorità ta’ Tmexxija (MA); l-Aġenzija tal-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, bħala l-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni ta’ ħlasijiet (CA); id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet, bħala l-Awtorità responsabbli mill-verifika (AA); u l-Kummissjoni Ewropea (KE). Għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju ta’ skrutinju, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) analizza l-iżbalji fl-infiq iddikjarat lill-EC fil-perjodu 2010 sa 2013.

Dawn l-iżbalji laqtu aspetti varji ta’ akkwist pubbliku, li jinkludu ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-kriterji tal-għażla ma jiġux dikjarati, u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri inkorretti ta’ xiri. Irregolaritajiet oħra kienu: proċeduri stabbiliti dwar ir-reklamar ma kinux imħarsa, tibdil mhux approvat f’kuntratti u l-għoti ta’ ordni diretta mingħajr il-ġustifikazzjoni meħtieġa.

L-irregolaritajiet osservati kienu ekwivalenti għal 1.64 fil-mija tal-valur tal-proġetti mwettqa permezz ta’ akkwist pubbliku. F’termini finanzjarji, mill-€425,756,293, li jirrappreżenta l-valur totali tal-proġetti, €6,997,691 kienu kkunsidrati bħala nefqa irregolari. Dan in-nuqqas irriżulta f’korrezzjoni finanzjarja ta’ €1,291,297, ekwivalenti għal 0.3 fil-mija tal-€425,756,293.

L-iżbalji l-iktar prevalenti kienu dawk relatati mal-applikazzjoni inkorretta ta’ elementi supplimentari, u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Rigward l-ewwel żball kien hemm diversi irregolaritajiet identifikati mill-AA, minn każi fejn l-applikazzjoni ma kinitx skont ir-regolamenti marbuta ma’ akkwist pubbliku, għal oħrajn fejn il-mod li bih jinżamm kontroll fuq il-kuntratti ma kienx wieħed ideali. L-użu ta’ proċeduri inkorretti ta’ xiri, nuqqas ta’ ċarezza fil-konfront tal-għażla, kif ukoll nuqqasijiet amministrattivi oħra, ilkoll wasslu biex il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jinżammx.

F’termini finanzjarji, l-iktar irregolarità sinifikanti kienet in-nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ reklamar. Irregolaritajiet, ikklassifikati taħt din il-kategorija, kienu riżultat tan-nuqqas tal-Benefiċjarju li jirreklama l-proġett b’mod adegwat. L-iżball osservat mill-KE irriżulta mill-klassifikazzjoni ħażina tal-proġett bħala wieħed ta’ ‘riċerka u żvilup’ minflok ta’ ‘edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali’.  Dan wassal għal metodu żbaljat ta’ akkwist, li allura kien il-kawża tan-nuqqas ta’ reklamar kif suppost min-naħa tal-Benefiċjarju. Il-korrezzjoni finanzjarja applikata kienet ta’ kważi miljun ewro, ekwivalenti għal 25 fil-mija tal-valur iddikjarat tal-proġett.

L-MA osservat l-ogħla numru ta’ żbalji, ekwivalenti għal 59 fil-mija tal-irregolaritajiet kollha. Dan jista’ jkun ġej mill-fatt li l-MA hija l-ewwel livell ta’ verifikazzjoni, u allura tiżdied il-probabbiltà li jkunu osservati l-iżbalji, kif ukoll minħabba r-responsabbiltà wiesgħa li għandha din l-Awtorità. Il-valur tal-irregolaritajiet osservati mill-MA ammontaw għal 33 fil-mija tal-iżbalji kollha. Filwaqt li żball wieħed biss ġie osservat mill-KE, dan kien ekwivalenti għal 54 fil-mija tal-valur tal-irregolaritjiet kollha. Għall-fini tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati, dawk imposti mill-MA kienu jammontaw għal 21 fil-mija tal-valur tal-korrezzjonijiet, filwaqt li dak tal-KE kien jirrappreżenta 73 fil-mija. Nuqqasijiet oħra huma ppreżentati fir-Rapport, li jinkiseb ukoll mis-sit elettroniku tal-NAO – www.nao.gov.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow