DSATAX-IL KUNSILL LOKALI QED JIMPLIMENTA B’6 MILJUN EWRO PROĠETTI PERMEZZ TA’ FONDI EWROPEJ
Bħalissa għadejjin proġetti b’valur ta’ €6 miljun, li qed jiġu implimentati mill-Kunsilli Lokali ġewwa 19-il lokalità differenti. Dawn kollha qed ikunu finanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u jridu jitlestew matul din is-sena.
L-interventi huma maħsuba sabiex itejjbu l-infrastruttura fl-irħula u bliet Maltin u Għawdxin, ħafna minnhom bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku tagħhom, waqt li jgħollu livell ta’ għixien għar-residenti.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg meta llum attenda għall-ftuħ uffiċjali tal-Leisure Park biswiet il-bajja ta’ San Tumas, f’Marsaskala. Dan il-proġett ser ikun ffinanzjat permezz tal-Programm Leader (programm taħt il-FAEŻR) wara sejħa maħruġa mill-Grupp Azzjoni Lokali Xlokk b’valur ta’ €249,247.
Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala kien applika għall-Miżura 313 bit-tema “Encouragement of Tourism Activities”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej saħaq li l-għan aħħari tal-proġett kien ir-rijabilitazzjoni ta’ Ġnien San Tumas sabiex jiġi trasformat f’Leisure Park li jinkorpora ġo fih faċilitajiet sportivi bħal outdoor gym kif ukoll żoni ta’ rekreazzjoni għall-familji u żoni ta’ logħob għat-tfal. Barra minn hekk, Dr Borg kompla jispjega kif ġew installati numru ta’ Information Boards u ħa jiġu ppublikati fuljetti ta’ informazzjoni biex ikomplu jedukaw u jħeġġu mixjiet rurali mad-dawra ta’ San Tumas li twasslek għar-riserva naturali ta’ Xrobb l-Għaġin. Dan jagħmilha iktar faċli għall-vizitaturi fil-lokal biex jifhmu l-importanza tal-konservazzjoni tal-wirt rurali u naturali.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja li waqt l-intervent tiegħu rringrazzja lill-Fondazzjoni Gal Xlokk tal-għajnuna u l-assistenza li taw waqt il-fażi tal-applikazzjoni. Hu kompla jgħid li issa li dan il-proġett ġie fi tmiemu, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ser jibda jintroduċi attivitajiet rurali u kulturali biex b’hekk jistimola s-suq turistiku f’Wied il-Għajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046