IKOMPLI JONQOS IL-QGĦAD F’PAJJIŻNA
Fix-xahar ta’ Novembru n-numru ta’ nies jirreġistraw kompla jonqos. Ċifri tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ juru li bejn Ottubru u Novembru 2014, l-ammont ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas b’95.
Matul l-ewwel għoxrin xahar ta’ din l-amministrazzjoni, dawk jirreġistraw naqsu minn 7,350 għal 6,501. Dan ifisser li kull ġimgħa ta’ din l-amministrazzjoni, in-numru ta’ nies ifittxu xogħol naqas bi kważi 10 persuni. B’kuntrast, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied bi kważi 5 persuni kull ġimgħa.
Fl-aħħar għaxar xhur biss, in-numru ta’ nies qiegħda naqsu b’1,288, jew b’17%. Minn dawn, 387 kienu żgħażagħ, li jfisser tnaqqis ta’ 30%. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis ta’ 351 fost in-nies qiegħda fl-età ta’ 45 sena jew aktar – kategorija oħra meqjusa vulnerabbli fis-suq tax-xogħol.
Ta’ sodisfazzjon huwa bla dubju t-tnaqqis ta’ 98 persuna b’diżabbiltà li qed tfittex xogħol, li jfisser tnaqqis ta’ 18%. Qed jonqos ukoll l-ammont ta’ dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena.
Bil-garanzija għaż-żgħażagħ, l-in-work benefits, il-ħidma biex jiżdied ix-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà u ħafna inizjattivi oħra, din l-amministrazzjoni qed tibdel ir-realtà tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li gvernijiet preċedenti kienu jiftaħru li naqqsu l-qgħad meta fir-realtà l-qgħad kien tela’ bi kważi 1,300 ruħ, din l-amministrazzjoni qed turi li għandha r-rieda li tagħmel id-differenza fil-ħajjiet tan-nies speċjalment tal-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046