ESTENSJONI TAL-KENNEDY GROVE B’MADWAR 3000m2: GĦAL FAĊILITAJIET ĠODDA GĦAL-LOGĦOB GĦAT-TFAL U SPAZJU RIKREATTIV AKBAR - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
“Permezz tax-xogħlijiet li ser isiru fuq il-parti ta’ ġewwa tal-Kennedy Grove ser jitwaħħlu faċilitajiet ġodda għal-logħob għat-tfal minflok dawk li kienu ġew mneħħija għax kienu ta’ periklu għalihom u ser nestendu l-parti ta’ Kennedy Grove nnifsha b’madwar 3,000m2.” Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, meta dalgħodu żar il-ħaddiema tad-Direttorat tal-Parks flimkien mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru u d-Direttur tal-Parks ħalli jwassal l-awguri tiegħu lill-ħaddiema kollha għall-ħidma tagħhom matul is-sena li waslet biex tintemm, kif ukoll għas-sena l-ġdida.
Il-Ministru Brincat qal li dan ix-xogħol ser ikun qed joffri wkoll iktar spazju miftuħ u rikreattiv għall-pubbliku, kif ukoll spazju sigur għat-tfal li jkunu preżenti. Ser jitwaħħlu ’l fuq minn 100 siġra indiġena biex ikomplu jsebbħu l-post u jżidu mal-afforestazzjoni li hemm fil-Park tas-Salina.
Huwa kompla li l-estensjoni ser tkun imdawla biex b’hekk toffri opportunità sabiex il-post jintuża għal ħinijiet itwal matul il-ġurnata. Apparti milli ser jiġu offruti faċilitajiet għall-pubbliku bħal picnic benches u gazebo, ser jitranġaw partijiet mill-ħitan tas-sejjieħ li hemm preżenti, kif ukoll ser jiġu estiżi l-ħitan tas-sejjieħ f’ċerti żoni.
Il-Ministru Brincat qal li x-xogħlijiet fuq dawn il-faċilitajiet ser jinbdew fil-jiem li ġejjin u ser tagħmel tajjeb għalihom Transport Malta bħala parti mill-kumpens ta’ ftit anqas minn terz ta’ miljun ewro minħabba x-xogħlijiet li saru fil-madwar, fosthom it-twessigħ tal-Coast Road tas-Salini.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046