Left arrow Mur Lura

IL-MAĠI TA' BETHLEHEM F'GĦAJNSIELEM LI SE JITILQU MINN COLOGNE

pr143004
Date Icon 27/12/2014

Din il-Belt qegħda tfakkar it-850 anniversarju minn meta waslu r-relikwi tat-tliet Maġi.

It-tliet Maġi, li se jaslu Bethlehem f'Għajnsielem nhar il-Ħadd 4 ta' Jannar 2015, se jitilqu mill-belt Ġermaniza ta' Cologne fejn bħalissa qed jitfakkar it-850 anniversarju minn meta r-relikwiji tat-tliet maġi Caspar, Melchior u Balthazar waslu hemm.

Dan ħabbru llum il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet f'Ta' Passi, Għajnsielem.  Il-Ministru Refalo qal li din se tkun opportunità importanti oħra fejn se ssir promozzjoni fil-Ġermanja għal Għawdex f'perjodu importanti ħafna, fejn f'Cologne għaddejjin ċelebrazzjonijiet kbar biex ifakkru l-miġja tar-relikwi tal-Maġi.

"Nifraħ lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ssieħeb mal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem biex din l-inizjattiva tirnexxi.  Qegħdin nantiċipaw li din l-edizzjoni ta' Bethlehem f'Għajnsielem tiġbed rekord ta' persuni li jżuru din l-attrazzjoni unika. Għandna feedback tajjeb mill-operaturi tan-negozju li kollha rrapurtaw żieda fuq is-sena li għaddiet.  Dan kollu seħħ għax kien hemm l-għaqda u koperazzjoni sħiħa bejn kulħadd".

Iċ-chairman tal-Kumitat Milied f'Għawdex, Dr Joe Mifsud, ħabbar li se jkun l-Arċisqof ta' Cologne, il-Kardinal Rainer Maria Woelki, li wara ċelebrazzjoni fil-Katidral simbolikament jibgħat lit-tliet Maġi lejn Malta biex dawn jibdew il-vjaġġ tagħhom mill-ajruport għall-Mellieħa u jaqbdu l-vapur biex jaslu f'Bethlehem f'Għajnsielem, fil-ħin għaċ-ċelebrazzjoni tal-adorazzjoni tal-Maġi lil Ġesù Bambin.

Il-Kardinal Woelki nħatar Arċisqof ta' Cologne mill-Papa Franġisku u beda l-ħidma tiegħu fl-20 ta' Settembru, 2014.

Din l-inizjattiva qegħda ssir bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Kumitat Milied f'Għawdex u l-Kunsilli Lokali ta' Għajnsielem u l-Mellieħa, bl-appoġġ tal-MTA.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet taw messaġġi s-Sindku ta' Għajnsielem, Francis Cauchi, is-Sindku tal-Mellieħa, John Buttigieg, u l-manager ta' Bethlehem f'Għajnsielem, Franco Ciangura.  Franco Ciangura pprezenta lill-Ministru Refalo l-poster tal-inizjattiva li tħejja minn Daniel Zerafa.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għamel il-kuntatti neċessarji fil-Ġermanja u dan grazzi għal ġemellaġġ li hemm bejn il-Kunsill Lokali Mellieħi u l-belt ta' Adenau li jmur lura għal Jannar 1996.

Il-kult dwar ir-relikwi hu bbażat fuq it-tradizzjoni li Santa Elena sabet l-għadam tagħhom meta sabet is-salib imqaddes u ħadithom Kostantinopli. Waslu fl-Ewropa meta l-Isqof Ewstorgju, li kien mar biex iġib approvazzjoni għall-elezzjoni tiegħu minn Konstantinu, ġabhom Milan u poġġihom f'sarkofagu f'San Ewstorgju.

Fl-1164, l-Arcisqof Raynaud, Arċikanċillier tal-Imperatur Barbarossa, approfitta ruħu mill-okkupazzjoni ta' Milan biex jieħu r-relikwi tat-Tliet Maġi għall-belt ta' Cologne. Ġew imqegħda f'kaxxa tad-deheb fil-katidral famuż mibni f'ġieħ it-Tliet Slaten ta' Cologne.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow