L-EKONOMIJA GĦAWDXIJA FL-2013 KIBRET TLIET DARBIET AKTAR MILL-2012
Wara li fil-ħames snin ta’ qabel, l-ekonomija Għawdxija kienet kibret bi kważi punt perċentwali anqas fis-sena meta mqabbel mat-tkabbir f’Malta, matul l-2013 it-tkabbir f’Għawdex kien aħjar minn dak f’Malta. Stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li, matul l-2013, il-prodott gross domestiku Għawdxi kiber b’4.8%, kontra l-4.6% irreġistrat f’Malta. Din hija t-tielet darba matul it-tlettax-il sena li għaddew li ġara żvilupp simili.
It-tkabbir f'Għawdex matul l-2013 kien tliet darbiet akbar minn dak fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Meta wieħed jeskludi s-settur pubbliku, t-tkabbir ekonomiku f'Għawdex matul l-2013 kien ħames darbiet aktar minn dak fl-2012.
Fost is-setturi li kibru ħafna matul l-2013, saħansitra b’rata ogħla minn dik f’Malta, hemm l-agrikoltura, l-manifattura, l-wholesale u r-retail, l-lukandi u r-ristoranti, l-informatika u l-komunikazzjoni, u s-settur tal-arti u r-rikreazzjoni. B’riżultat ta’ dak li seħħ matul l-2013 kien hemm tnaqqis żghir fid-distakk fil-ġid nazzjonali, ras għal ras, fiż-żewġ gżejjer.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonferma li, matul l-2013, kien hemm żieda ta’ 313 fl-impjiegi f’Għawdex. Din kienet l-ogħla żieda fl-impjiegi f’Għawdex mill-2008 'l hawn, u kienet aktar miż-żieda totali li seħħet fis-sentejn ta’ qabel meħudin flimkien.
Wara snin ta’ telqa, li fihom safa relattivament maqtugħ barra mill-iżvilupp ekonomiku, Għawdex issa qed igawdi minn attenzjoni speċjali fost oħrajn bil-ħolqien ta’ skemi partikolari għal din il-gżira u uffiċċju reġjonali tal-istatistika.
Il-Gvern jemmen li fadal ħafna potenzjal għal Għawdex, speċjalment fis-settur tas-servizzi. Huwa għalhekk li qed tirranka l-ħidma biex jitressaq lejn Ghawdex xogħol ġdid, bħal dak fis-settur tal-informatika u s-servizzi mediċi. Fl-istess hin, il-Gvern jibqa’ kommess biex ikompli jagħti spinta lill-industrija turistika f’Għawdex u jgħin lis-setturi tradizzjonali bħall-biedja.
Dan ser iwassal biex is-settur privat f’Għawdex ikompli jieħu n-nifs u b’hekk jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046