Left arrow Mur Lura

​IS-SENA D-DIEĦLA SE TKUN IPPUBBLIKATA WHITE PAPER DWAR L-INTRODUZZJONI TAL-ISKILL CARDS FIL-QASAM TAL-KOSTRUZZJONI

PR142997
Date Icon 23/12/2014

48 parteċipant jirċievu ċertifikati wara li temmew b’suċċess kors organizzat mill-BICC dwar ir-restawr ta’ djar antiki

Ilbieraħ tqassmu ċertifikati lil 48 parteċipant li riċentament għadhom kemm temmew b’suċċess kors dwar ir-restawr ta’ djar antiki. Il-kors huwa t-tieni wieħed li kien organizzat din is-sena mill-Kunsill Konsultattiv fl-Industrija tal-Bini (BICC), b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u l-Kamra tal-Periti.

F’indirizz qasir li għamlet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivli Helena Dalli enfasizzat l-importanza ta’ korsijiet bħal dawn li minnhom infushom idaħħlu ċertu livell fost dawk li jaħdmu fil-qasam.

Semmiet kif bħala kunsill konsultattiv, il-BICC qed imexxi proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders fil-qasam tal-industrija tal-bini biex anke jittieħdu inizjattivi li jdaħħlu aktar serjetà fis-settur.

Dr Dalli enfasizzat ukoll l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, liema settur jaqa’ wkoll taħt il-Ministeru mmexxi minnha, u li għandu rabta diretta mal-industrija tal-bini. Spjegat kif l-istatistika turi li l-akbar ammont ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol iseħħu f’siti ta’ kostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici qal li d-djar antiki joffru karattru uniku u huma parti mill-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna. Iżda minħabba li huma djar qodma ħafna, għandhom bżonn manutenzjoni kważi s-sena kollha. 

Apparti minnhekk jekk wieħed jagħmel xogħol li ma jkunx sar b’mod professjonali, il-ħsara wara tkun ħafna akbar.

L-iskop ta’ dan it-taħriġ huwa sabiex is-sidien ta’ dawn id-djar jitgħallmu jagħmlu użu aħjar tal-prodotti użati ħalli fl-istess waqt id-djar antiki ta’ Malta jibqgħu jitgawdew għal ħafna aktar snin.

Iċ-Chairman tal-BICC il-Perit Charles Buhagiar tkellem fuq il-proġett tal-iskill cards li l-BICC se tkun qed tintroduċi s-sena d-dieħla. Semma’ kif din l-iskill card se sservi ta’ ċertifikat li l-persuna li jkun qed jagħmel ix-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni u dak kollu relatat ikun wieħed kompetenti u kkwalifikat. B’hekk, il-konsumatur ikollu serħan tal-moħħ li qed jieħu servizz tajjeb.

Il-Perit Buhagiar ħabbar kif is-sena d-dieħla se tkun qed titnieda white paper dwar dan il-proġett għall-konsultazzjoni pubblika.

Huwa awgura lil dawk kollha li attendew għaż-żewġ korsijiet li saru mill-BICC filwaqt li qal li għas-sena d-dieħla l-kunsill se jkun qed jorganizza korsijiet oħra simili.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow