IL-WORLD TOURISM ORGANISATION (WTO) TIRRIMARKA S-SUĊĊESS LI QED TIKSEB MALTA GĦAR-RIŻULTATI POŻITTIVI FIS-SETTUR TURISTIKU
Il-United Nations World Tourism Organisation (UNWTO) għadha kemm ippubblikat ir-riżultati li ħarġu mill-World Tourism Barometer ta’ Diċembru 2014. Dawn ir-riżultati jitfgħu dawl fuq l-andament tal-inbound tourism madwar id-dinja minn Jannar sa Ottubru li għadda.
Skont dan il-World Tourism Barometer minn Jannar sa Ottubru ta’ din is-sena, in-numru ta’ turisti madwar id-dinja ammontaw għal 978 miljun, li jfisser żieda ta’ 5% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. L-UNWTO tgħid li t-turiżmu internazzjonali baqa’ jikber ħafna aktar mill-istimi mbassra għas-snin 2010 sa 2020 fejn it-tkabbir imbassar kien ta’ 3.8%. B’dan ir-ritmu, l-UNWTO qed tikkalkula li sal-aħħar ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti internazzjonali se jlaħħaq iċ-ċifra 1.1 biljuni.
Filwaqt li ż-żieda tat-turisti fl-Ewropa fl-istess perjodu kienet ta’ 4%, din iż-żieda kienet ferm aktar qawwija fil-pajjiżi tal-Mediterran u n-Nofsinhar tal-Ewropa, li esperjenzaw tkabbir ta’ 7% bejn ix-xhur ta’ Jannar u Ottubru tal-2013.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Edward Zammit Lewis b’sodisfazzjon jinnota li l-UNWTO fl-istqarrija uffiċjali tagħha taċċenna speċifikament għar-riżultati pożittivi u ‘’tkabbir robust’’ li qed tirreġistra Malta fin-numru ta’ wasliet tat-turisti f’pajjiżna matul din is-sena. Fil-fatt iż-żieda fit-turisti għall-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena kienet akbar minn dik irreġistrata bħala medja fil-pajjiżi tal-Mediterran u n-Nofsinhar tal-Ewropa. Bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, Malta kellha tkabbir ta’ 8.4% fin-numru ta’ wasliet ta’ turisti meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2013. Fit-tielet kwart tas-sena, li jimmarka x-xhur tas-sajf, pajjiżna rreġistra żieda fl-ammont ta’ turisti ta’ ’l fuq minn 9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Din iż-żieda hija wkoll akbar mill-medja tal-pajjiżi tal-Mediterran u n-Nofsinhar tal-Ewropa rreġistrata fl-istess perjodu.
Ir-riżultati pożittivi li qed jirreġistra pajjiżna, partikolarment fis-settur tat-turiżmu, qed jiġu kontinwament rikonoxxuti mill-aġenziji u l-fora internazzjonali. Il-Ministru Zammit Lewis jtemm jgħid li dan huwa l-akbar ċertifikat li pajjiżna huwa miexi fid-direzzjoni t-tajba.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046