IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ŻAMMIT LEWIS JAGĦTI LAPTOPS LIL LECTURERS TAL-ISTITUT TAL-ISTUDJI TURISTIĊI
“Irridu nsaħħu l-għarfien tal-ITS fost l-istudenti tagħna ħalli nattiraw aktar żgħażagħ lejn din l-industrija ta’ suċċess”
Waqt l-okkażjoni tal-għoti tal-laptops għal lecturers fi ħdan l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Żammit Lewis sostna li dan l-Istitut jikkontribwixxi parti kbira fl-ekonomija ta’ Malta, billi jipprovdi taħriġ għall-istudenti tal-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. L-għan ta’ dan l-istitut huwa li jipprovdi t-tagħlim vokazzjonali għall-istudenti biex dejjem intejbu l-ħaddiema li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. Mill-gradwati ta’ dawn l-aħħar sentejn, kien hemm total ta’ 98% li sabu xogħol fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità, tenna l-Ministru għat-Turiżmu.
Il-fatt li l-Istitut jagħmel parti mill-Ministeru għat-Turiżmu, saħaq il-Ministru Żammit Lewis għen ħafna biex il-komunikazzjoni bejn l-Istitut, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kif ukoll partijiet interessati tat-turiżmu jtejbu l-ospitalità ta’ pajjiżna.
Dan l-arranġament jgħin lill-ITS biex jibqa’ kurrenti mal-industrija kif ukoll jagħti appoġġ lill-industrija bħala post professjonali fejn jistgħu jirreferu meta jiġu għar-riċerka jew taħriġ fuq dan is-settur, kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Żammit Lewis.
‘Il-Gvern jemmen li wieħed mill-aktar elementi importanti fis-settur tat-Turiżmu huwa r-riżors uman. Biex inkunu fost l-aqwa destinazzjonijiet turistiċi, irridu li jkollna professjonisti li huma b’passjoni għall-industrija. Hija politika ta’ dan il-Gvern li nagħmlu mill-ITS Istitut ta’ eċċellenza fil-qasam tal-ospitalità, lil hinn mill-perċezzjoni li din hija biss Catering School. Minn dan l-Istitut, aħna kommessi lejn l-industrija li joħorġu professjonisti li jkunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tas-settur turistiku.’
‘Il-Gvern, flimkien mal-Bord tal-Gvernaturi u l-management tal-Istitut, qed jaħdem fuq diversi aspetti dwar l-ospitalita’ bħal moduli tal-korsijiet ġodda li jistgħu jiġu offruti, l-immodernizzar tal-faċilitajiet kif ukoll l-għodda li għandhom bżonn il-lecturers biex iwasslu t-tagħlim lill-istudenti. Minkejja li għall-ewwel darba llum qegħdin nagħtu laptop lil kull lecturer f’dan l-Istitut, ser ikun qiegħed jinbidel il-hardware tal-IT fi ħdan l-Istitut ukoll’, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Żammit Lewis.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046