STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Ċelebrazzjoni b’responsabbiltà
Iċ-Ċentru LEAP tal-Qawra wassal l-awguri tiegħu għal żmien il-festi tal-Milied permezz ta’ inizjattiva pożittiva li saret fi ħdan iċ-ċentru. Matul din l-attività diversi persuni li jiffrekwentaw is-servizzi offruti fl-istess ċentru kellhom iċ-ċans li jipparteċipaw f’attività soċjali li kellha l-iskop li twassal messaġġ dwar ir-responsabbiltà ta’ kull persuna matul iċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru matul dawn iż-żminijiet. Il-messaġġ ewlieni kien biex is-sewwieqa ma jikkunsmawx alkoħol biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju b’rabta ma’ inċidenti li jistgħu jħassru dawn l-istess ċelebrazzjonijiet. Dan jista’ jkollu konsegwenzi diretti fuq diversi persuni.
Matul din l-attività, iċ-Ċentru LEAP tal-Qawra ħaseb biex joffri alternattiva konkreta fejn permezz tal-ħaddiema u l-voluntiera li jaħdmu f’dan iċ-ċentru qasmu cocktails mingħajr alkoħol lil min kien preżenti. Dawn l-istess cocktails kienu qed ikunu promossi bħala xarbiet alternattivi għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia saħaq li l-eżempju konkret li qed iwassal iċ-Ċentru LEAP tal-Qawra huwa importanti u li wieħed jista’ jaddottah fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dawn il-festi. Il-Ministru Farrugia saħaq li ċ-ċelebrazzjonijiet għandhom ikunu mezz kif persuni viċin ta’ xulxin iqattgħu żmien sabiħ flimkien li jħalli memorja pożittiva. Għaldaqstant, saħaq il-Ministru Farrugia, huwa importanti li meta nkunu qed niċċelebraw ma nkunux aħna li nisfurzaw persuni oħra biex jikkunsmaw jew jabbużaw mill-alkoħol. Jekk persuna tgħid li mhix ser tixrob għandna nirrispettaw l-għażla tagħha. Il-Ministru Farrugia saħaq li filwaqt li s-soċjalizzazzjoni hija aspett importanti fil-ħajja tagħna hemm bżonn li kollox jinżamm taħt kontroll biex b’hekk ikun hemm aktar opportunitajiet fil-futur ta’ aktar ċelebrazzjonijiet pożittivi.
Matul din l-inizjattiva soċjali l-Aġent tar-Reġjun tat-Tramuntana Martin Chetcuti saħaq fuq l-importanza li kull persuna għandha tiftakar li ma’ kull azzjoni li tagħmel hemm dejjem issegwi konsegwenza pożittiva jew negattiva. Chetcuti saħaq li għaldaqstant huwa importanti li anke meta nkunu qed niċċelebraw nagħrfu l-bżonn biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà biex ma jsirx abbuż tal-alkoħol u biex min ikun ser isuq ma jixrobx.
Diversi rappreżentanti ta’ entitajiet varji kienu preżenti għal din l-attività soċjali taċ-Ċentru LEAP tal-Qawra fosthom rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali tat-Tramuntana, Pulizija, FSWS u oħrajn.
Aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi li qed isiru miċ-Ċentru LEAP tal-Qawra tista’ tinkiseb billi tagħmel like fuq il-paġna tal-Facebook bl-isem: Qawra LEAP Centre.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046