Left arrow Mur Lura

KONKLUŻ IL-FTEHIM BEJN IL-GVERN U L-KUMPANIJA SPANJOLA GĦAT-TMEXXIJA TAT-TRASPORT PUBBLIKU

pr142981
Date Icon 20/12/2014

Il-Gvern laħaq ftehim li permezz tiegħu l-ishma tal-Malta Public Transport, il-kumpanija mmexxija mill-Gvern biex topera s-servizz tranżitorju tat-trasport pubbliku, jinxtraw mill-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon għall-prezz ta’ 8 miljun ewro. Dan il-ftehim intlahaq fl-aħħar sigħat meta ngħalqu n-negozjati mal-kumpanija Spanjola.

Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-kumpanija Spanjola ntrabtet biex tibda tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku mit-8 ta’ Jannar li ġej.

Il-ftehim intlaħaq wara negozjati sensittivi li kienu ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur, li kellhom jiġu sospiżi għal xahar minħabba mandat ta’ inibizzjoni li madankollu ġie miċħud mill-Qorti, u b’hekk setgħu jitkomplew fil-ġranet li għaddew.

Il-bejgħ tal-kumpanija tal-Gvern jinkludi l-ħlas ta’ 8 miljun ewro għall-akkwist tal-assi kollha tal-kumpanija, liema kumpanija kienet inxtrat mill-Gvern għall-prezz ta’ ewro mingħand il-kumpanija preċedenti.

L-operatur il-ġdid se jkun qed jinvesti madwar 40 miljun biex jopera s-servizz tat-trasport pubbliku. Dan l-investiment mhux se jkun rifless fin-noll, għax kif ġie mwiegħed, in-nollijiet se jibqgħu l-istess.

L-investiment jinkludi x-xiri ta’ 142 karozza tal-linja ġdida, li kollha huma Euro 6, u li se jidħlu fis-servizz sas-sajf li ġej. Barra minn hekk, biex is-servizz ikun jista’ jidħol gradwalment sakemm jaslu l-karozzi tal-linja l-ġodda, se jinkrew numru ta’ karozzi tal-linja tat-tip low floor.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-kumpanija se tkun qiegħda wkoll tinvesti fit-taħriġ tal-impjegati tagħha, kif ukoll fl-użu ta’ simulators għall-karozzi tal-linja u fit-titjib tas-sistema tal-ICT.

Il-ftehim jinkludi wkoll l-implimentazzjoni b’mod gradwali ta’ rotot ġodda u frekwenzi aħjar tat-trasport pubbliku li se jammontaw għal żieda ta’ 3 miljun kilometru kull sena.

Kopja tal-ftehim se tkun imqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-ġranet li ġejjin.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-Gvern ried jassigura li dan il-kuntratt ikun jagħmel sens għaż-żewġ naħat.

“Mingħajr ma nwiegħdu li se nagħmlu mirakli, qed naħdmu biex ikollna servizz li jilħaq l-aspirazzjonijet tal-Maltin. Irridu servizz li jkun alternattiva kredibbli, serju, effiċjenti u li jilħaq lil ħafna nies. Konxji li dan mhux faċli, iżda konvinti li b’rieda tajba minn kulħadd nistgħu naslu.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow