Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI MICHAEL FARRUGIA WAQT IT-TNEDIJA TAL-POLITIKA NAZZJONALI GĦAL TNAQQIS FIL-FAQAR U GĦAL INKLUŻJONI SOĊJALI

pr142977
Date Icon 19/12/2014

Xtaqt nibda dan l-indirizz billi ngħid illi dan id-dokument li qed jiġi ppreżentat illum huwa l-konklużjoni tax-xogħol li kien ingħata bidu permezz ta' Green Paper li saret is-sena li għaddiet minn Marie-Louise Coleiro Preca, dak iż-żmien Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

It-tnaqqis tal-faqar irridu nħarsu lejh minn perspettiva multidimensjonali. Filwaqt illi l-ħlas dirett ta' benefiċċji soċjali jgħin sabiex tonqos it-tbatija, dawn jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex itaffu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Huwa għal din ir-raġuni illi strateġija effettiva u olistika biex ikun indirizzat il-faqar teħtieġ li tkun imfassla fuq metodu varjat li jqis sew ir-rwoli essenzjali tad-dħul u l-benefiċċji soċjali, ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent, is-servizzi soċjali u l-kultura.

Il-ħarsien soċjali f'Malta ilaħħaq sa aktar minn 25% tal-Prodott Gross Domestiku. Fih jinkludi, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar u l-ħlasijiet ta' benfiċċji. Fil-fatt minn budget għal infiq totali ta' tnejn punt tmienja biljun ewro, il-Gvern qed jonfoq aktar minn biljun ewro fi ħlasijiet ta' sigurtà soċjali.

Dan l-infiq, flimkien ma nfiq ieħor f'setturi oħra, juri biċ-ċar l-impenn ta' dan il-Gvern li jiġġieled il-faqar u fl-istess ħin ikabbar il-ġid għas-soċjetà in ġenerali.

Minkejja li din l-istrateġija qed tkun ippreżentata illum, minn hawn nista’ ngħid illi diġà bdiet tiġi implimentata. Biżżejjed li wieħed iħares lejn il-miżuri tal-budget li kienu ppreżentati f'Novembru li għadda.

• Child supplement - Fejn ser jingħataw 400 ewro għall-ewwel tliet ulied u 200 ewro mir-raba’ wild ’il fuq.

• Qed noħolqu sistemi ta’ 'making work pay' permezz tal-'inwork benefit' u sistema tat-'tapering' - Dawn il-benefiċċji ser jgħinu lil dawk il-familji bi dħul baxx u medju fejn hemm tfal dipendenti fuq il-ġenituri u li ma għandomx aktar minn 23 sena. 

• Child Care b'xejn - miżura li kienet introdotta s-sena li għaddiet u li għadha in-vigore bħalissa. Dan huwa forma ta' dħul in-kind għall-familji tagħna, huwa ekwivalenti għal erbat elef ewro għal kull wild.

• L-anzjani tagħna : fejn qed nagħtu għotja ta' tliet mitt ewro fis-sena lil dawk li għalqu l-ħamsa u sebgħin sena (din il-miżura daħlet fit-tieni sena tagħha) kif ukoll ħlas ieħor ta' mija jew mitejn ewro bbażat fuq numru ta' kontribuzzjonjiet imħallsa għal dawk li qabżu l-età tal-irtirar, li ħafna minnhom huma nisa.

• Ħaddiema li għandhom kontribuzzjonjiet tas-Sigurtà Soċjali neqsin u qegħdin joqorbu l-età tal-irtirar ser jingħataw il-possibiltà li jħallsu l-arretrati u b'hekk ikollhom pensjoni aħjar.

Għaddejjin b’ħidma wkoll dwar benefiċċji soċjali għal persuni li jkunu se jsiefru barra minn Malta għal ftit jiem. Mhuwiex possibli illi persuni ġenwini jkunu kostretti jirrifjutaw stedina biex isiefru għand il-familjari tagħhom għax inkella jitilfu l-benefiċċju soċjali. Din ser tinbidel għaliex aħna ma għandniex dritt inżommu persuna milli ssiefer.

Il-Ministeru li jien immexxi għaddej ukoll b'ħidma oħra biex jitnaqqas il-faqar u tiżdied l-esklużjoni soċjali. Bdejna konsultazzjoni pubblika dwar it-trobbija pożittiva li dalwaqt tasal fit-tmiem tagħha. Aħna nemmnu illi l-faqar jista’ jkun ċirku u li permezz ta' aktar edukazzjoni fit-trobbija jista’ jkun imnaqqas u evitat.

Fix-xhur li ġejjin ukoll hemm il-ħsieb illi jkollna programm sħiħ dwar ir-relazzjonijiet. Nemmnu illi hawn faxxa ta' nies fis-soċjetà tagħna li mhux qed ikunu milħuqa mis-servizzi tradizzjonali illi hemm offruti u għalhekk hemm bżonn ta' iktar tagħlim u tħejjija fejn jidħlu r-relazzjonijiet.

Matul ix-xahar ta' Jannar se jibda wkoll programm ġdid fejn permezz ta' kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali se jkun qed jingħata taħriġ bażiku sabiex persuni fil-bżonn jitgħallmu jqassmu l-finanzi tagħhom b'mod iktar għaqli.

Din l-istrateġija qed tippreżenta sensiela ta' azzjonijiet li jiffukaw fuq l-immodernizzar u l-impatt tas-servizzi soċjali, aktar impenn mill-istudenti għal edukazzjoni ogħla, titjib fit-taħriġ vokazzjonali li jwassal għal opportunitajiet ta' impjieg, tisħiħ tal-kura primarja u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja aktar san flimkien ma' għarfien kulturali akbar.

Dawn l-azzjonijiet mistennija li jgħinu kemm direttament u anki indirettament, filwaqt li jħallu effett fuq it-tnaqqis tal-faqar biex intejbu l-qagħda ekonomika ta' kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow