Left arrow Go Back

IL-FONDAZZJONI GĦAL-LOGĦOB RESPONSABBLI TNIEDI ŻEWĠ PROĠETTI

pr142970
Date Icon 19/12/2014

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Fondazzjoni Għal-Logħob Responsabbli (RGF), is-Segretarju Parlamentari José Herrera nieda żewġ proġetti b’risq il-komunitajiet tagħna. L-ewwel proġett li nieda s-Segretarju Parlamentari huwa l-Corporate Social Responsibility Programme bil-għan li jgħin lil entitajiet li joħorġu bi proġetti ta’ rikreazzjoni alternattiva għall-gaming. Permezz ta’ dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Fondazzjoni ser tkun qed trodd xi ħaġa lura lis-soċjetà minn flus u attivitajiet oħra relatati mal-gaming f’pajjiżna. Il-proġetti ser ikunu qed jibdew jiġu evalwati minn kumitat apposta skont kriterji stabbiliti li jinsabu fuq il-website.

F’dan l-isfond, is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll immaġni ġdida permezz ta’ website ġdida li ġiet imnedija mill-Fondazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li s-sena 2014 kienet sena ta’ twelid u preparazzjoni għall-fondazzjoni. Huwa qal li mis-sena d-dieħla t-talba tiegħu ser tkun li l-Fondazzjoni tieħu dawk l-azzjonijiet konkreti li jidhrilha li huma xierqa skont il-missjoni li ghaliha twaqqfet biex topera.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-industrija tal-gaming hija waħda mill-akbar industriji f’pajjiżna però wieħed ma jistax jinjora xi konsegwenzi koroh li din l-istess industrija ġġib. Fuq livell Ewropew, bejn 0.5% u 2% ta’ dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tal-gaming jinqabdu f’xi forma ta’ vizzju. José Herrera kompla jgħid li ż-żgħażagħ huma 5 darbiet aktar fir-riskju li jkunu esposti għal dawn il-vizzji. Huwa stqarr ukoll li l-Fondazzjoni ser tkun qiegħda issaħħaħ l-industrija tal-gaming għax kemm il-kumpaniji kif ukoll il-plejers ser ikollhom aktar serħan il-moħħ.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Silvio Schembri, qal li l-CSRP huwa wieħed mill-programmi li jissemmew fil-Business Plan li ġie ppreżentat ftit taż-żmien ilu. Dan il-programm huwa mmirat sabiex ikun jista’ jagħti xi ħaġa siewja lura lis-soċjetà u liċ-ċittadini mill-fondi li jinġabru mis-settur tal-gaming. Huwa qal li permezz ta’ dan il-programm, li f’din l-ewwel fażi tiegħu qed tiġi allokata s-somma ta’ 150,000 ewro, kumpaniji u organizzazjonijiet mhux governattivi ser ikunu qed jiġu megħjuna biex iwettqu proġetti relatati ma’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni alternattivi għall-gaming. Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni qal li l-proġetti li ser ikunu eliġibbli għall-fondi huma dawk il-proġetti li jaqgħu taħt il-kappa ‘Attivitajiet ta’ rikreazzjoni alternattivi għall-gaming/gambling’. Il-formola ta’ applikazzjoni ser tkun qiegħda online fuq il-websajt tal-Fondazzjoni www.rgf.org.mt minn Jannar tal-2015.

L-entitajiet iridu jimlew formola ta’ applikazzjoni u anke jagħtu spjegazzjoni dettaljata tal-proġett bħal target audience, ħin kemm ser idum sabiex jitlesta/jiġi mfassal u affarijiet oħra. L-Onorevoli Schembri temm id-diskors billi spjega kif il-websajt tal-Fondazzjoni ser tkun qiegħda toffri servizz ta’ chat f’forma ta’ gwida minn nies professjonali għal dawk kollha li jkollom bżonn għajnuna f’dan il-qasam. Hu qal li: “Iċ-chat ser tkun qiegħda toffri dak is-support u għajnuna meħtieġa flimkien mal-Call Centre li, bħala Fondazzjoni, ser nkunu qegħdin inniedu kmieni s-sena d-dieħla.”

Preżenti għall-konferenza tal-aħhbarijiet li saret f’Portomaso Casino kien hemm ukoll ic-Chief Operations ta’ Portomaso Gaming, is-Sur Patrick Demanuele, u d-Direttur, is-Sur Anthony Farrugia, li saħqu illi l-kumpanija tagħhom temmen bi sħiħ fil-missjoni tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli. Portomaso Gaming temmen li l-Fondazzjoni ser toffri serħan il-moħħ kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-plejers fil-qasam tal-gaming.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-kumpanija Portomaso Gaming offriet donazzjoni lill-Fondazzjoni sabiex tkompli isaħħaħ il-Fond li minnu ser ikunu qed jibbenefikaw għaqdiet u organizzazjonijiet fil-CSRP.

Preżenti għall-Konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sur Heathcliff Farrugia f’isem l-Awtorità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow