IL-MINISTRU BRINCAT FL-EWWEL LAQGĦA MAL-KUMMISSARJU EWROPEW KARMENU VELLA
L-Unjoni Ewropea għandha tgħolli u mhux tbaxxi l-istandards ambjentali
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat kellu l-ewwel laqgħa tiegħu mal-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella f’Brussell.
Matul il-laqgħa huma ddiskutew il-miri u d-direzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għas-snin li ġejjin fejn għandu x’jaqsam is-settur ambjentali u dak tal-iżvilupp sostenibbli.
“L-Unjoni Ewropea għandha tgħolli u mhux tbaxxi l-istandards ambjentali dwar kwalità tal-arja u skart mingħajr ma xxellef il-kompetittività. Jekk tagħmel dan tkattar impjiegi ġodda flok toħnoq u ttellef impjiegi li diġà jeżistu. Aktar ma hemm pajjiżi li għadhom lura milli jilħqu l-miri tal-lum, akbar għandu jkun l-impenn biex dawn jilħqu miri ogħla. L-importanti huwa li jkun hemm bilanċ xieraq bejn miri ambizzjużi li fl-istess ħin ikunu realistiċi.” Dan qalu l-Ministru Leo Brincat meta kien qed jindirizza l-laqgħa tal-Ministri tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea f’Brussell.
Il-Ministru Brincat saħaq li l-għaqal u l-bżulija jitolbu li lejliet is-sena internazzjonali li fiha se jitwaqqfu l-miri ġodda dwar żvilupp sostenibbli (Sustainable Development Goals) mill-Ġnus Magħquda, l-aġenda nazzjonali ta’ kull pajjiż għandha tgħin sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea nnifisha dwar EUROPE 2020 u dwar Żvilupp Sostenibbli.
Il-Ministru Leo Brincat qal li t-tħaddir tal-ekonomija u tal-infrastruttura għandu jsir b’mod li jsaħħaħ l-istrutturi ambjentali filwaqt li jimbotta l-quddiem il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fl-Istati Membri nfushom. Din id-diskussjoni tmexxiet mill-Kummissarju għall-Ambjent Karmenu Vella u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali Neven Mimica.
Il-Ministru Brincat iltaqa’ wkoll mal-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima u Enerġija Miguel Arias Canete fejn iddiskuta miegħu l-proċess dwar il-klima li għandu jwassal għas-sumit ta’ Pariġi fl-2015.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046