Left arrow Mur Lura

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

PR142956
Date Icon 17/12/2014

Is-sitwazzjoni tal-Ambaxxata Libjana f’Malta

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fl-isfond tal-aħbarijiet li qed joħorġu b’konnessjoni mal-Ambaxxata Libjana f’Malta, jixtieq jiċċara dawn il-fatti:

Flimkien mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kollha u wkoll man-Nazzjonijiet Maqgħuda, Malta għal dawn l-aħħar xhur irrikonoxxiet bħala l-Gvern leġittimu li jirrapreżenta lil-Libja, dak il-Gvern li ġie elett demokratikament mill-poplu u li llum iżomm il-laqgħat tal-Parlament tiegħu f’Tobruk.

Fl-istess ħin, huwa fatt magħruf li fi Tripli reġa ġie rxoxtat il-Parlament magħruf bħala l-General National Congress, li qed isostni li huwa jiġi rikonoxxut mill-pajjiżi barranin bħala l-gvern leġittimu. Dawn iż-żewġ Parlamenti, it-tnejn ħatru Prim Minstru u kabinett tagħhom.

L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Maqgħuda ripetutament iddikjaraw, u bil-fatti wrew, li l-gvern rikonoxxut għandu jkun dak ta’ Tobruk. Fl-istess ħin, kuntatti mir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, Bernardino Leon, maż-żewġ naħat biex jikkonvinċihom ħalli jieħdu sehem flimkien f’konferenza biex isibu tarf id-differenzi ta’ bejniethom għaddejjin il-ħin kollu.

F’dan l-isfond, il-Gvern Malti, fl-assenza ta’ Ambaxxatur Libjan għal Malta, kien qiegħed jirrikonoxxi Charge d’Affairs li ma kien ikkontestat mill-ebda naħa. Sussegwentament, il-Gvern ta’ Tripli informa lill-Gvern Malti li riedu t-tneħħija tax-Charges d’Affairs li kien hemm u floku jiġi akkredidat persuna li tgawdi l-fiduċja tal-Gvern ta’ Tripli.

Immedjatament il-Gvern Malti rċieva wkoll Note Verbale mill-Parlament ta’ Tobruk biex ma jirrikonoxxix il-persuna nnominata minn Tripli, imma jirrikonoxxi persuna oħra li ntbagħtet speċifikament minn Tobruk biex tokkupa dan il-post. Dan wassal biex inħolqot sitwazzjoni fejn dak id-diplomatiku li jirrappreżenta l-Gvern ta’ Tripli ma jridx iwarrab minn postu biex ikun jista’ jieħu over dak id-diplomatiku mibgħut minn Tobruk.

Iffaċċjat minn din is-sitwazzjoni, il-Gvern Malti kkonsulta kemm mal-Unjoni Ewropea u wkoll ma’ Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi ġirien. Il-Gvern Malti jixtieq li s-soluzzjoni tinstab bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet Libjani mingħajr mal-Gvern Malti jiżżeffen fin-nofs f’din il-kwestjoni.

Jidher, sfortunatament, li s-sitwazzjoni mhix daqshekk faċli u allura l-Gvern Malti għaddej b’sensiela ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet biex jintlaħaq ftehim preferibbilment bla ma jinħoloq diżgwid jew ġlied bejn il-partijiet separati tal-Libjani f’pajjiżna li jagħtu appoġġ liż-żewġ naħat differenti.

Is-sitwazzjoni qed tiżviluppa minn ħin għall-ieħor u kemm il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u wkoll il-Forzi tal-Ordni qegħdin f’kuntatt dirett u kontinwu biex tinstab soluzzjoni paċifika għal din is-sitwazzjoni.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow