STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Il-pagi f’Malta jkomplu jogħlew aktar mill-bqija tal-Unjoni Ewropea
Matul it-tielet kwart tal-2014, il-paga medja f’pajjiżna għoliet bi 2.1% f’perjodu meta l-inflazzjoni kienet ta’ inqas minn 0.4%. Statistika maħruġa llum mill-Eurostat turi li l-pagi żdiedu fis-setturi kollha tal-ekonomija Maltija.
Iż-żieda fil-pagi f’Malta kompliet tisboq sewwa dik reġistrata fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. Matul it-tielet kwart tal-2014, il-paga medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedet b’1.4% kontra t-2.1% f’Malta. Iż-żieda li gawdew minnha l-ħaddiema Maltin kienet il-ħames l-ogħla fost il-pajjiżi taż-żona ewro.
L-akbar żieda fil-paga medja kienet fil-kostruzzjoni, fejn il-Eurostat osservat tkabbir ta’ 4.4%. Kien hemm ukoll żieda żgħira fil-paga medja fil-manifattura, settur fejn il-pagi kienu naqsu matul it-tnax-il xahar ta’ qabel.
L-istatistika tal-Eurostat tikkonferma li, fl-aħħar tnax-il xahar, iż-żieda fil-paga medja f’Malta laħqet it-2.3% li hija ferm ogħla mill-inflazzjoni matul dan il-perjodu. Dan ir-riżultat iġib fix-xejn l-argument negattiv tal-Oppożizzjoni li bħalissa hawn għafsa fil-pagi u l-ħaddiema qed jispiċċaw b’anqas flus fil-but.
Ir-realtà hija li, bl-inflazzjoni baxxa li qed jirreġistra pajjiżna, frott id-deċiżjonijiet għaqlija tal-Gvern fejn jidħlu prezzijiet tal-enerġija, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw b’aktar flus fil-but. B’riżultat ta’ hekk, kif imsemmi anke mill-Fond Monetarju Internazzjonali fl-aħħar rapport tiegħu dwar Malta, pajjiżna mistenni jkollu tkabbir ekonomiku aktar qawwi mill-pajjiżi ta’ madwarna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046