STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Issir l-ewwel laqgħa bejn il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u NGOs fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Ġimgħa biss minn mindu Carmelo Abela laħaq Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, wara l-appell li sar fuq il-media mill-NGOs, illum saret laqgħa mitluba mill-Ministru ma’ diversi NGOs fil-qasam tal-immigrazzjoni. Dawn jinkludu KOPIN, Malta Emigrant Commission, Integra, Aditus, JRS, Migrants Network for Equality, the Organisation for Friendship in Diversity u SOS Malta.
L-għaqdiet mhux governattivi apprezzaw din il-laqgħa u wrew ottimiżmu li jista’ jkun hemm djalogu miftuħ u strutturat.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li jixtieq li jkun hemm aktar laqgħat spissi mal-għaqdiet mhux governattivi, filwaqt li rringrazzjahom tax-xogħol siewi li jagħmlu.
Huwa qal li f’dan il-qasam, it-triq ‘il quddiem hi li ssir Politika Nazzjonali tal-Immigrazzjoni li jkollha perspettiva olistika u li tiġbor flimkien ix-xogħol u r-responsabbiltajiet mifruxa fuq diversi Ministeri.
L-għaqdiet mhux governattivi qablu li lesti li jikkontribwixxu f’dan il-proċess. Min-naħa tiegħu il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali f’din il-laqgħa enfasizza li hu jara lill-għaqdiet mhux governattivi bħala sieħba u mhux bħala avversarji.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046