STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA
Tlettax -il impjieg full-time aktar fis-settur privat kuljum matul din l-amministrazzjoni
Mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni sal-aħħar ta’ Lulju 2014, l-ammont ta’ mpjiegi full-time fis-settur privat żdied b’6,869, jew 6%. Dan huwa ekwivalenti għal żieda netta ta’ 13-il impjieg full-time kuljum matul din l-amministrazzjoni.
Din iż-żieda seħħet minkejja li mas-725 impjegat, li qabel kienu jaħdmu mal-kumpanija Arriva, naqsu mis-settur privat u tpoġġew temporanjament fis-settur pubbliku. Fl-assenza ta’ dan il-fattur, it-tkabbir fis-settur privat kien ikun ilaħħaq is-7,600 impjieg, jew kważi 7%.
Matul il-leġislatura ta’ qabel, kien hemm ferm anqas minn nofs ir-rata ta’ tkabbir fl-impjiegi osservata matul dawn l-aħħar xhur.
L-akbar żieda fl-impjiegi tinħass fost l-ażjendi ġodda tas-servizzi. Bejniethom, il-qasam tal-ħidma amministrattiva, attivitajiet professjonali u tekniċi u s-settur tal-informatika u l- komunikazzjoni żiedu kważi 3,300 impjieg full-time. Is-servizzi finanzjarji mpjegaw kważi 900 persuna aktar waqt li l-qasam tal-online gaming u l-bejgħ retail żiedu bejniethom mal-1,200 ruħ.
Anke oqsma tradizzjonali bħall-manifattura, l-kostruzzjoni u s-settur turistiku raw tkabbir tajjeb, b’żieda ta’ kważi 300 ħaddiem industrijali, kważi 350 persuna fil-bini u 625 full-timers fl-oqsma tal-lukandi u ristoranti.
Fil-gżira Għawdxija kien hemm żieda ta’ 770 impjieg full-time, imqabbel ma’ żieda ta’ 417 matul il-ħames snin kollha tal-amministrazzjoni ta’ qabel.
Iċ-ċifri uffiċjali juru wkoll li, mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm tkabbir ta’ 6,800 impjieg part-time, jew żieda ta’ 12%.
Waqt li l-qgħad f’pajjiżna issa naqas għall-inqas livell fl-istorja, il-Gvern jemmen li fadal aktar opportunitajiet ta’ tkabbir. Bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2015, fosthom it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-industrija, il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem ħalli tissaħħaħ il-qagħda tajba fil-qasam tal-impjiegi u aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046