Left arrow Mur Lura

​STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA

pr142945
Date Icon 16/12/2014

Ċertifikat pożittiv ieħor għal pajjiżna

Filwaqt li l-bqija tad-dinja għaddejja minn diffikultajiet, l-ekonomija Maltija sejra tajjeb ħafna, tant li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa wieħed mill-ogħla fiż-żona ewro. Din hija waħda mill-konklużjonijiet ewlenin li wasal għaliha l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wara li bagħat delegazzjoni ta’ esperti f’Malta biex tanalizza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna.

L-ekonomisti internazzjonali jirrimarkaw li l-qgħad niżel għal livelli rekord u li l-bilanċ estern ta’ pajjiżna baqa’ b’saħħtu. L-IMF qed ibassru wkoll li t-tkabbir ekonomiku għall-2015 u l-2016 se jibqa’ jkun b’saħħtu grazzi għall-proġetti ta’ investiment u żieda qawwija fil-konsum privat, xprunata minn titjib fil-pagi u żieda fl-impjiegi.

Iċ-ċertifikat pożittiv mill-Fond Monetarju Internazzjonali wasal minkejja li l-Oppożizzjoni f’pajjiżna qed tara bozzoz ħomor waqt li titkellem fuq tnaqqis inkwetanti fl-esportazzjoni, twissi li mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi u tbeżża’ li s-settur tal-bejgħ qed jaffaċja kriżi u li hawn għafsa fid-dħul tal-ħaddiema.

L-esperti tal-IMF isostnu fuq il-ħtieġa li l-Gvern jaħtaf l-opportunità li tagħtih is-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna biex ikompli jagħmel ir-riformi. Fost l-oħrajn biex tissokta l-ħidma li tindirizza d-dejn nazzjonali li għandha Malta – li rdoppja taħt it-tmexxija tal-finanzi pubbliċi mill-eks Ministru Tonio Fenech.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali jsemmi diversi riformi li tħallew lura għal snin twal fosthom riformi fis-saħħa, pensjonijiet u entitajiet pubbliċi. Fil-konklużjonijiet tagħhom, l-ekonomisti internazzjonali jisħqu fuq l-importanza li jiżdied l-aċċess għall-finanzjament ta’ ażjendi żgħar u medji, u jsemmu miżuri li l-Gvern diġà qed jieħu passi fuqhom fosthom it-twaqqif ta’ bank ta’ żvilupp, miżuri favur spazju akbar fuq il-borża u fondi minn pajjiżi barranin.

Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon l-apprezzament li wriet id-delegazzjoni tal-IMF għall-aġenda ta’ riformi f’pajjiżna, speċjalment fil-qasam tax-xogħol, il-governanza tal-finanzi pubbliċi u s-sistema ġudizzjarja. Dan ir-rapport jikkonferma li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u li l-Gvern għandu jibqa’ jwettaq il-bidliet pożittivi biex il-familji u n-negozji beżlin tagħna jkomplu jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow