Left arrow Mur Lura

IL-PARLAMENTI NAZZJONALI FID-DMIR LI JINSISTU FUQ RIŻULTATI AĦJAR MILL-INFIQ TAL-UE, JGĦID LOUIS GALEA, MEMBRU TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

pr142941mt
Date Icon 16/12/2014

Waqt li Dr Louis Galea kien qed jippreżenta r-rapport annwali dwar il-baġit tal-UE mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) lil sessjoni konġunta tal-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi, il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fil-Parlament Malti, huwa qal li “bħala benefiċjarju tal-fondi tal-UE, l-awtoritajiet Maltin għandhom rwol importanti x'jaqdu biex jiżguraw li l-infiq tal-UE jkun ekonomiku, effiċjenti u effettiv – l-għażla ta’ proġetti u l-assorbiment tal-fondi tal-UE mhuwiex biżżejjed; jinħtieġ li l-awtoritajiet juru riżultati tanġibbli u kif il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin  tibbenefika minnhom.”

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija impenjata bis-sħiħ li tassisti lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi tal-UE għall-kisba tar-riżultati li ċ-ċittadini tal-UE bid-dritt jistennew li jaraw.

Il-Qorti ġeneralment sabet li l-għażla tal-proġetti hija bbażata fuq il-loġika "li l-flus li ma jintużawx, jintilfu", u fuq il-ħtieġa ta' konformità mar-regoli. Sa punt ferm limitat biss ingħatat importanza fuq il-prestazzjoni (performance) u r-riżultati u l-impatt mistennija tagħhom. Dan huwa prinċipalment dovut għad-difett fit-tfassil tal-biċċa l-kbira mill-baġit tal-UE.

Dr Galea spjega kif ir-rapport annwali tal-awditjar irid jinqara wkoll f'kuntest usa' ta' żviluppi li qed iseħħu fl-UE, kemm f'termini ta' rwoli ġodda li qed jiġu assenjati lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha, kif ukoll f'termini tal-iżviluppi kumplessivi għall-finijiet ta’ kontabilità. B'konsegwenza tal-kriżi finanzjarja, seħħew bidliet importanti fid-direzzjoni ta' poteri lejn l-UE fir-rigward ta' governanza ekonomika u fiskali, u superviżjoni bankarja. Hemm bidla fl-enfasi fir-rigward it-tip ta' rendikont meħtieġ; minn dik fuq l-inputs (riżorsi pubbliċi minn sorsi differenti), għal dik fuq l-outputs (impatti, eżiti u riżultati).

Dr Galea qal “l-appell qawwi għal aktar obbligu ta' rendikont għal riżultati mill-attivitajiet tal-UE huwa ċar għal kulħadd u għandu jittieħed b'serjetà”. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu.

Il-qafas pluriennali l-ġdid (2014-2020) fih żviluppi importanti għat-titjib tal-governanza finanzjarja, tal-kontrolli, tar-rekwiżiti tar-rappurtar, tal-kejl u tar-rappurtar ta' riżultati u kontrolli u kundizzjonijiet għal pagamenti ġodda. Proposti dwar Dikjarazzjonijiet Nazzjonali qed jaħsbu li jitolbu responsabbiltà politika fil-livell tal-Istati Membri għal fondi taħt ġestjoni kondiviża.

Il-QEA qed tfittex ukoll modi ta' kif tappoġġa l-iskrutinju parlamentari tal-UE, permezz ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fl-Istati Membri, dwar ċerti strumenti ta' politika u attivitajiet tal-UE, pereżempju: l-Istrateġija Ewropa 2020; aspetti differenti ta' koordinazzjoni ekonomika taħt is-Semestru Ewropew; żviluppi ġodda relatati mas-Superviżjoni Bankarja bħall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

Dr Galea spjega kif dawn il-punti kollha jindikaw rwol u responsabbiltà dejjem akbar għall-awtoritajiet nazzjonali, biex jippjanaw aħjar, biex jeżegwixxu b'konformità akbar mar-regoli, iżda b'mod daqstant importanti biex iwasslu valur miżjud liċ-ċittadini u jipprovdu informazzjoni adegwata biex jingħata kont għar-riżultati miksuba.

Bħal dejjem, l-iskrutinju parlamentari, rinforzat bl-istrumenti kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, u li wieħed minnhom huwa l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, jista' jkollu effett profond fuq il-prestazzjoni u l-kontroll tal-entitajiet u s-sistemi kollha involuti fil-ġestjoni tal-infiq tal-UE f'Malta.

Il-Membri Parlamentari preżenti għal din il-laqgħa konġunta, ipparteċipaw bis-sħiħ f’diskussjoni miftuħa fejn matulha għamlu diversi mistoqsijiet lil Dr Galea.


Rapport Annwali 2013

Fir-Rapport Annwali għall-2013, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tagħti "opinjoni nadifa" dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE. Hija kkonkludiet ukoll li l-ġbir tad-dħul tal-UE kien ħieles minn żball. Madankollu, għall-infiq tal-UE r-rata ta' żball stmata kienet ta' 4.7 % (imqabbla ma' 4.8 % fl-2012). L-istima tar-rata ta' żball mhijiex kejl ta' frodi, ta' ineffiċjenza jew ta' ħela, iżda hija stima ta' pagamenti li saru u li ma ntużawx skont ir-regoli tal-UE. Żbalji tipiċi jinkludu pagamenti lil benefiċjarji ineliġibbli (eż. pagamenti lil kumpanija ddikjarata bħala SME, li fil-fatt tappartjeni lil kumpanija kbira), jew nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist (eż. żidiet li jsiru f' kuntratt pubbliku eżistenti mingħajr ma jingħata ċans lil offerenti oħra li jagħmlu offerta).

Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji seħħew f'oqsma ta' nfiq fejn il-ġestjoni hija kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. Il-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża jserraħ fuq il-fiduċja: li l-Istati Membri – li jiffinanzjaw il-proġetti parzjalment – jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE bl-istess attenzjoni li jużaw biex jimmaniġġjaw ir-riżorsi proprji tagħhom.

Iż-żewġ oqsma ta’ nfiq l-aktar suxxettibbli għal żball kienu għal darb'oħra l-"politika reġjonali, enerġija u trasport" b'rata ta' żball stmata ta' 6.9 % u l-"iżvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa" b'6.7 %. Fl-oqsma taħt ġestjoni kondiviża, ir-rata ta' żball stmata kienet 5.2 % meta mqabbla ma' 3.7 % għall-programmi ta' nfiq li fil-biċċa l-kbira huma mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni. Ir-rata ta' żball stmata għan-nefqa amministrattiva proprja tal-UE kienet ta' 1 %.

L-azzjoni korrettiva u ta’ rkupru mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali kellha impatt pożittiv fuq ir-rata ta’ żball stmata. Mingħajr din l-azzjoni, jgħidu l-Awdituri tal-UE, ir-rata ta’ żball għall-infiq kumplessivament kienet tkun 6.3 % minflok 4.7 %. Bħal qabel, l-Awdituri tal-UE kkonkludew li għal proporzjon kbir tal-iżbalji li nstabu, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jidentifikaw u jikkoreġu ħafna minnhom qabel ma talbu r-rimborż mill-Kummissjoni. Dan seta' naqqas sinifikattivament ir-rata ta’ żball, pereżempju minn 6.7 % għal 2.0 % fl-"iżvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa".


Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tal-QEA huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. L-output tagħha jintuża biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE jiġu obbligati li jagħtu rendikont  – notevolment fi ħdan il-proċedura annwali ta' kwittanza. Primarjament, din hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. Iżda għal madwar 80 % tal-infiq – prinċipalment agrikoltura u koeżjoni – din ir-responsabbiltà hija kondiviża mal-Istati Membri. Il-QEA tittestja kampjuni ta’ tranżazzjonijiet biex tipprovdi stimi bbażati fuq l-istatistika tal-punt sa fejn id-dħul u l-oqsma ta' nfiq differenti huma milquta minn żball.

L-infiq baġitarju tal-UE ammonta għal total ta' EUR 148.5 biljun fl-2013, jew madwar EUR 290 għal kull ċittadin. Dan l-infiq jammonta għal madwar 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE u jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 2 % tal-infiq pubbliku totali tal-Istati Membri tal-UE.
Il-QEA ppubblikat ukoll dokument ta' sfond "Agrikoltura u koeżjoni: Ħarsa ġenerali lejn l-infiq tal-UE għall-2007-2013", li jislet tagħlimiet meħuda fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-UE matul il-perjodu preċedenti ta' nfiq u jindika sfidi fil-perjodu ta' nfiq il-ġdid 2014-2020.

Żewġ pubblikazzjonijiet importanti oħra tal-QEA matul l-2014 huma l-Analiżi panoramika dwar l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont u tal-awditjar fl-UE (ippubblikata f'Ottubru 2014) u l-Analiżi panoramika dwar ir-riskji għall-baġit tal-UE (disponibbli qabel tmiem din is-sena).
Għal aktar informazzjoni dwar ir-Rapport Annwali 2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, żur il-websajt tal-QEA fuq: www.eca.europa.eu

Materjal multiviziv tal QEA:

Youtube video fuq ir-Rapport Annwali 2013:
https://www.youtube.com/watch?v=RaAmZLNINhw&list=PLwzZpgJhJUUS8EqyRW7H3B3VCYk1kIoW5

Youtube video fuq ir-rwol tal-QEA:
http://www.youtube.com/watch?feature=player_profilepage&v=UHmy5cdc3R8
https://www.youtube.com/watch?v=gNUuvEBgTpw

Youtube video u informazzjoni fuq il-konferenza ‘EU Accountability conference’
http://www.eca.europa.eu/en/Pages/NewsItem.aspx?nid=5224
https://www.youtube.com/watch?v=ozAOxSpdDec&feature=youtu.be

Għall verzjonijiet ta’ Youtube videos bi qualità aħjar għax-xandir irrikjedi:  press@eca.europa.eu

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow