Left arrow Mur Lura

TITTELLA’ S-SERATA FINALI TAL-PREMJU NAZZJONALI ĦADDIEMA TAS-SENA 2014

PR142923
Date Icon 14/12/2014

Ħames ħaddiema minn oqsma differenti tal-ħajja flimkien ma’ membri mir-Rescue Team tat-taqsima tal-ajru tal-AFM ippremjati għall-impenn tagħhom fuq il-post tax-xogħol

Aktar kmieni din il-ġimgħa ttellgħet is-serata finali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Is-serata ippremjat ħaddiema minn diversi oqsma tal-ħajja li kienu nominati f’kategoriji differenti minn kollegi sħabhom kif ukoll mill-pubbliku.

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena jagħraf lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-ekonomija tal-pajjiż, fl-istess ħin li hu ċelebrazzjoni u promozzjoni tad-diversità u opportunitajiet indaqs. Għall-ewwel darba, dan il-premju kien abbinat mal-inizjattiva Let Me Learn bil-għan li ttejjeb l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità.

Dorothy Degabriele li taħdem bħala Officer in Charge mal-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-Imtarfa, is-Siġġiewi u Ħad-Dingli rebħet il-premju l-kbir bħala l-Ħaddiem tas-Sena.

Il-kategorija Employee of the Year intrebħet minn Martin Pirotta li jaħdem bħala Medical Physcysist fl-Isptar Pawlu Boffa.

Dik tal-Manager of the Year intrebħet minn Gilbert Xuereb li jaħdem bħala Guest Experience Manager fil-lukanda Le Meridien.

Il-kategorija Role Model of the Year intrebħet minn Mario Camileri li jaħdem bħala Events Coordinator tar-Rural Festivities Unit filwaqt li dik tal- Employer of the Year intrebħet mill-imprenditur Winston J Zahra li jmexxi l-Island Hotels Group.

Ir-Rescue Team tat-taqsima tal-ajru fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta rebaħ il-kategorija tat-Tim tas-Sena għall-impenn tiegħu f’operazzjonijiet delikati u perikolużi ta’ salvataġġ.

F’diskors li għamel, il-Prim Ministru Joseph Muscat semma’ kif l-aqwa riżors li għandu pajjiżna huwa l-ħaddiem. Fisser kif l-akbar sfida tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol għas-sena d-dieħla se tkun dik ta’ integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol.

Fi kliem il-Prim Ministru, it-tieni sfida se tkun dik li jiżdied in-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol biex b’hekk pajjiżna jżid il-produttività. Dr Muscat spjega kif bis-saħħa ta’ diversi miżuri li kienu introdotti fix-xhur li għaddew fosthom dik ta’ childcare b’xejn għall-ġenituri li jaħdmu, il-Gvern irnexxielu jnaqqas il-qgħad.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili  Helena Dalli fissret kif f’serata bħal din fejn qed jitfakkru u jiġu ippremjati l-ħaddiema, wieħed ma jistax jinsa l-fatt li jeżistu ħafna ħaddiema li mhumiex stmati u li xogħolhom mhux rikonoxxut.

Hija sellmet lil dawk il-ġenituri u ulied adulti, speċjalment nisa, li ħajjithom hija ġlieda kontinwa biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol tad-dar u l-ħarsien tal-familja, u x-xogħol barra d-dar.

Tkellmet ukoll fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jissielet il-prekarjat fost l-oħrajn biex nilħqu aktar minoranza ta’ min iħaddem li ma jqisux il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għall-ħaddiema tagħhom bħala prijorità. F’dan ir-rigward semmiet kif il-kwistjoni tax-xogħol prekarju ttellgħet ukoll fuq l-aġenda tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali.

“Bil-miżuri li qed nieħdu, irridu naraw li kulħadd ikun inkluż f’soċjetà li tħaddan id-diversità” qalet il-Ministru Dalli.

Saru wkoll interventi miċ-Chairperson tal-Bord tal-Għażla Sylvia Gauci u mis-Sur Colin Calleja Koordinatur Ewropew tal-Let Me Learn Process.

Is-serata li kienet animata b’diversi interpretazzjonijiet mużikali mill-mużiċista Claire Balucci se tkun qed tixxandar fuq TVM 2 fil-jiem li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow