Left arrow Mur Lura

L-IMĦABBA FIĊ-ĊENTRU TAL-MESSAĠĠ TAL-PRESIDENT TA’ MALTA GĦALL-FTUĦ TAL-KAMPANJA ‘MILIED FLIMKIEN’

PR142909
Date Icon 12/12/2014

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca, flimkien ma’ għadd ta’ tfal minn sittin skola differenti, nhar l-Erbgħa filgħodu attendew għall-quddiesa kkonċelebrata mill-Isqof Charles Scicluna biex b’hekk ikun jista’ jingħata bidu għall-kampanja annwali ‘Milied Flimkien’.

Iċ-ċerimonja bdiet bil-purċissjoni tradizzjonali tal-Milied, u kienet segwita mill-Prietka tal-Milied li ntqalet minn Faye Grima Buttigieg u Amy Cunningham. L-istudenti tal-iskola Santa Monica kellhom l-inkarigu li jtellgħu l-pageant tal-Milied li mat-tmiem tagħha, ingħata bidu għall-quddiesa.

Wara l-quddiesa, il-President Marie-Louise Coleiro Preca għamlet diskors tal-okkażjoni. F’dan id-diskors, il-President ta’ Malta spjegat lit-tfal dwar kif inbidlet il-perċezzjoni tagħha tal-Milied. Għall-President, il-Milied issa jfisser imħabba u huwa proprju hawn fejn hi għamlet appell lit-tfal.

Spjegatilhom kif huwa possibbli li l-ispirtu tal-Milied jibqa’ jinħass matul is-sena kollha. Dan għaliex meta t-tfal ikunu japprezzaw li għandhom min iħobbhom u jkunu jafu jħobbu huma wkoll, ikun hemmhekk meta jibdew iħossu l-ispirtu tal-Milied, spirtu li nibet meta kien hemm tarbija fil-kesħa ġo għar f’Betleħem, li però kellha l-imħabba tal-ġenituri u ta’ dawk kollha li marru jżuruha fl-għar.

“Inħares lejkom, u ngħidilkom: kemm tistgħu tnisslu ferħ, jekk turu l-imħabba tagħkom u jekk taħsbu f’ħaddieħor, taħsbu f’membri tal-familja tagħkom, taħsbu fl-anzjani, naħsbu fi sħabna tal-iskola”, tenniet il-President. Ikkonkludiet billi qaltilhom li huma jistgħu jnisslu l-ferħ għax jaħsbu f’ħaddieħor, imma jaħsbu f’ħaddieħor għax ikunu jafu jħobbu.

Il-messaġġ tal-President ma waqax fuq widnejn torox. Dan għaliex, iċ-ċerimonja spiċċat b’għotjiet ta’ donazzjonijiet minn kull skola preżenti lill-Malta Community Chest Fund.

Intant, aktar kmieni illum, il-President Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mar-raġel tagħha is-Sur Edgar Preca kellhom esperjenza simili, din id-darba ma’ tfal minn skejjel Għawdxin, fis-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex.  Hawnhekk ukoll, saret prietka tradizzjonali qabel il-quddies li kienet kollha kemm hi animata mit-tfal u li kienet ikkonċelebrata mill-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech. L-istess bħalma ġara fiċ-ċerimonja ta’ Malta, l-istudenti ppreżentaw id-donazzjonijiet tagħhom lill-President ta’ Malta biex jingħaqdu mal-fond għall-Malta Community Chest Fund. Fl-aħħar taċ-ċerimonja, ir-Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu ppreżenta gwarniċ b’kopja tal-inċiżjoni oriġinali tat-titular tas-Santwarju.

Din iċ-ċerimonja ġiet organizzata mis-Sezzjoni Proġetti u Inizjattivi fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, sezzjoni li tieħu ħsieb ukoll l-andament ġenerali tal-kampanja ‘Milied Flimkien’.

Flimkien mal-President ta’ Malta u s-Sur Preca, għaċ-ċerimonja ta’ Malta attenda wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo. F’Għawdex attendiet ukoll il-koordinatriċi tal-Malta Community Chest Fund għal Għawdex Dr Lisa Brooke.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow