Left arrow Mur Lura

​STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA - IL-POLITIKA TAL-ENERĠIJA TA’ GVERN PREĊEDENTI SWIET LIL KULL FAMILJA SPIŻA ŻEJDA TA’ €2,850

PR142898
Date Icon 11/12/2014

B’KUNTRAST, IL-POLITIKA TAL-ENERĠIJA TA’ GVERN PREŻENTI WASLET GĦAL PIŻ INQAS TA’ 230 EWRO 

Minflok tibqa’ tiżbalja fuq il-prezz preżenti tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa, l-Oppożizzjoni għandha tispjega għaliex, matul il-leġiżlatura li għaddiet, kienet għolliet il-prezz tad-diesel u l-petrol b'aktar minn 35%. Tant li familja medja spiċċat tonfoq €1,200 ewro aktar fuq il-fuel tul dawk il-ħames snin. 

Ikun xieraq ukoll li l-Oppożizzjoni tispjega għaliex ma taqbilx mal-politika tal-Gvern li waslet biex l-istess familja medja llum tħallas €100 anqas fis-sena fuq il-fuel. Differenza ta’ €1,300 fuq spiża essenzjali bħall-fuel tfisser qabża fil-kwalità tal-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin. 

L-argument li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed jiġi ffinanzjat bi prezzijiet għolja tal-fuel turi li l-Oppożizzjoni m’hijiex kapaċi tagħmel analiżi ekonomika u finanzjarja.  Fl-istimi ppreżentati mill-eks Ministru Tonio Fenech jintqal li l-prezz tal-petrol f'Malta messu jkun €1.16 filwaqt li tad-diesel messu jkun €1.09. Dawn il-figuri huma għal kollox ivvintati. Fil-medja tal-pajjiżi Ewropej, il-prezz huwa €1.42 għal petrol u €1.29 għad-diesel. 

La darba l-eks Ministru Fenech jemmen li l-prezzijiet f'Malta jmisshom ikunu bħal tal-Lussemburgu, għandu jispjega għalfejn sal-bidu ta' Marzu 2013, meta hu kien il-Ministru responsabbli, l-prezz tal-fuel f'Malta kien bejn 8 u 11-il ċentezmu ogħla minn dak fil-Lussemburgu. L-eks Ministru Fenech, li taħtu kien hemm żieda ta' 35% fil-prezz tal-fuel għall-familji Maltin u Għawdxin, għandu jispjega kif wasal għal market prices li kważi ħadd fl-Ewropa m’huwa qed iħallas. 

Żball ieħor li ħa Tonio Fenech, li taħtu l-prezz tal-elettriku u l-ilma żdied b'75%, huwa dwar l-istimi tal-impatt tar-roħs tad-dawl u l-ilma. Qiegħed jgħid li familja ta' tlieta tuża 750 kwh ta' elettriku kull kwart ta' sena, jew 3000 kwh fis-sena. Studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika -http://www.nso.gov.mt/docs/Electricity_Consumption_in_Households.pdf  -juri li l-medja ta' konsum ta' dawl ta' nies li jgħixu fi flat hija 10 kwh kuljum, jew 3600 kwh fis-sena, filwaqt li dawk f’terraced house jużaw 11-il unit kuljum, jew 4,000 kwh fis-sena. Dan ifisser li l-eks Ministru qiegħed inaqqas b'mod arbitrarju l-konsum tad-dawl bi kważi terz. 

Anke l-istess kalkoli żbaljati tal-eks Ministru jindikaw li d-deċiżjoni żbaljata li kien ħa waslet biex familja medja bdiet tħallas €82 ewro aktar kull kwart għad-dawl, jew €327 fis-sena. Iġifieri total ta' kważi €1,650 matul il-leġislatura li għaddiet. Bejn spiża akbar ta' €1,650 u roħs ta' €130 hemm baħar jaqsam.

Ir-realtà hija li, bl-għażliet żbaljati tagħha fuq il-prezzijiet tal-fuel u elettriku, l-amminsitrazzjoni preċedenti fissret piż aktar ta' €2,850 fuq medda ta’ ħames snin għall-familji Maltin u Għawdxin. B’kuntrast, l-għażliet tal-Gvern preżenti waslu għal roħs ta' €230 f'għoxrin xahar. Hija din id-differenza fil-purchasing power li qed twassal biex il-livell tal-ottimiżmu f'pajjiżna issa sar l-aqwa fl-Ewropa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow