Left arrow Mur Lura

IMNEDI L-PROĠETT eINCLUSION GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

pr142890
Date Icon 10/12/2014

Proġett bejn il-Malta Communications Authority u l-Aġenzija Sapport

Il-Malta Communications Autorithy, b’appoġġ mingħand il-FITA, il-KNPD, l-Aġenzija Sapport u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva nedew proġett intitolat eInclusion, proġett ta’ tagħlim fl-informazzjoni diġitali għall-persuni b’diżabilità. Dan il-programm qiegħed jġi mogħti f’erba’ Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità u hu kompletament imħallas mill-Malta Communications Authority.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompettività u l-Iżvilupp Ekonomiku José Herrera saħaq li l-Gvern jemmen li l-persuni b’diżabilità jiffurmaw parti integrali u essenzjali tar-riżorsi umani tal-pajjiż. Għaldaqstant il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-settur tal-impjiegi hu essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiż speċjalment dak ekonomiku. Infatti, is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera spjega li kif ġie mħabbar fil-budget, il-Gvern se jniedi numru ta’ inizjattivi li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ persuni b’dizabilità kemm fid-dinja tax-xogħol u dik soċjali.

Dr Herrera tenna li tul dawn l-aħħar snin t-teknoloġija żviluppat u ppenetrat f’kull forma ta’ kummerċ u f’kull tip ta’ attività soċjali. Fil-ħajja ta’ kuljum, it-teknoloġija bidlet il-mod ta’ kif ngħixu u nikkomunikaw mal-qraba u l-ħbieb, u kif nintegraw fl-attivitajiet ta’ madwarna irrispettivament mid-distanza jew il-ħin li bgħedna.

Is-Segretarju Parlamentari tenna kif dan il-program se jkun qed jgħin madwar 60 persuna b’diżabilità  biex jibbenefikaw minn dawn is-sessjonijiet ta’ taħrig.  L-etajiet ivarjaw bejn it-22 sena u ’l fuq minn 60. Huwa feraħ b’mod speċjali lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) għax permezz ta’ din l-inizjattiva, numru kbir ta’ persuni b’diżabilità se jkunu qed itejbu l-ħiliet tagħhom fl-użu tat-teknoloġija. Dawn il-laqgħat ħa jkunu qegħdin isiru fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum – fil-qalba tal-komunità sabiex persuni b’diżabilità iħossuhom komdi u għal qalbhom. Dan ħa jkun possibli permezz ta’ sapport kontinwu mill-Agenzija Sapport, KNPD u il-FITA.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li din il-ġimgħa kienet il-ġimgħa ddedikata lill-persuni b’diżabilità u għalhekk il-Gvern din il-ġimgħa nieda l-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità propju fil-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità. Dr Caruana semmiet li waħda mill-pilastri ta’ din il-politika hija l-aċċessibilità u l-aċċess tal-informazzjoni u għalhekk dan il-programm jimxi f’konformità ma’ dak li l-Gvern qiegħed jisħaq permezz ta’ din il-Politika.

Fuq l-Inklużjoni, is-Segretarju Parlamentari qalet li kif din il-Ġimgħa, permezz ta’ kunċert li organizza s-Segretarjat Parlamentari mal-Winter Moods infetħu l-bibien sabiex persuni b’diżabilità jiġu inklużi. Qalet li permezz ta’ programmi bħal dawn, issa qiegħdin jinfetħu bibien għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-qasam tal-informazzjoni teknoloġika ukoll biex b’hekk nikkumbattu d-digital divide li taffliġġi l-iktar lill-persuni b'dizabiltà.

Peress li l-attività saret fic-Ċentru tal-Imtarfa, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan iċ-ċentru se jkun għaddej minn proġett estensiv ta’ rinovar u immoderniżżar u se jkun l-ewwel ċentru f’pajjiżna li jista’ jissejjaħ state of the art. Hija saħqet li bħalissa għaddej proċess mal-MEPA sabiex jibdew dawn ix-xogħlijiet u li meta jkun lest dan iċ-ċentru se jkollu apparat addattat u apposta għall-persuni b’diżabilità li jattendu dan iċ-ċentru. Ikkonkludiet billi semmiet li se jinfetaħ LifeLong Learning Hub f’Għawdex, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għall-persuni b’diżabilità f’Għawdex, kif ukoll semmiet li se jinħolqu 80 post għall-persuni b’diżabilità f’Għawdex. Irringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Jose Herrera u lill-MCA u fakkret kif dan huwa t-tielet proġett li qed jinħadem bejn dawn iż-żewg entitajiet u is-Segretarjat Parlamentari. Għalhekk huwa eżempju ċar ta’ kemm is-sinerġija fil-ħidma tħalli frott.

Roderick Marmara, rappreżentant mill-Malta Communications Authority sostna li “huwa evidenti li l-persuni b’diżabilità għadhom esklużi diġitalment u dan għandu impatt fuq l-inklużjoni soċjali u ekonomika tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà tagħna.  Programmi bħal dawn jgħinu lill-persuni b’diżabilità sabiex jiskopru l-użu tal-benefiċċji potenzjali tal-internet u l-midja soċjali u jinkuraġġixuwhom sabiex jużaw l-ICT u jintegrawh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum”.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow