PARIRI DWAR L-AMBJENT MINN UĦUD MILL-AQWA MĦUĦ XJENTIFIĊI – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
‘Bħala Ministru tal-Ambjent inħossni onorat u grat li wħud mill-aqwa mħuħ fil-gżejjer Maltin u Għawdxin offrew biex mingħajr ħlas iżda b’impenn u rieda soda joffru l-pariri tagħhom lili bħala Ministru fi ħdan qafas ġdid kif għandhom għadd ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej bl-aħjar prattiċi fil-qasam ambjentali. Dan permezz tat-twaqqif ta’ Kunsill Xjentifiku Konsultattiv għall-Ambjent li qed jitwaqqaf għall-ewwel darba minn kemm ilha li ġiet adottata n-National Environment Policy (NEP).’
Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat fl-ewwel laqgħa formali tiegħu mal-membri ta’ dan il-Kunsill li kienu qed jiltaqgħu fil-Ministeru tal-Ambjent innifsu.
Il-Kunsill se jkollu bħala Chairperson lill-Prof. Victor Axiak filwaqt li l-membri tiegħu huma esperti f’għadd ta’ oqsma fis-settur ambjentali mill-kwalità tal-arja, it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tal-iskart, l-eko sistemi, il-bijodiversità u anki l-afforestazzjoni fost suġġetti oħrajn. Il-Membri tal-Kunsill huma Prof. Alfred Vella, Dr Noel Aquilina, Dr Elizabeth Conrad, Dr Charles Galdies, Dr Sandro Lanfranco u Paola Grech Bonnici.
Il-Ministru Brincat qal li l-istess kif jsir f’għadd ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej il-ħidma tagħhom se tkun bi qbil koordinat mal-Ministru nnifsu, bil-ħsieb li tipprovdilu fehmiet indipendenti u purament tekniċi, ’l fuq mill-aspetti politiċi, dwar issues li jiġu identifikati flimkien.
Il-Kunsill qed jintrabat li jiltaqa’ mill-anqas darba fix-xahar u qed jingħata l-faċilità li fejn u jekk ikun hemm bżonn bl-approvazzjoni tal-Ministru jinvolvi esperti oħrajn ukoll fuq bażi ad hoc fuq suġġetti speċifiċi.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson Prof. Victor Axiak qal li waqt li hawn Malta spiss issib ħafna nies li jkollhom opinjoni fuq kollox inkluż fuq l-ambjent, huwa evidenti li l-immaniġġjar tar-riżorsi ambjentali u l-protezzjoni tagħhom sar ferm aktar ikkumplikat u li jirrikjedi għarfien xjentifiku avvanzat. Huwa sostna li dan huwa dak li se jipprova joffri dan il-Kunsill.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046