IL-JUM INTERNAZZJONALI GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM: IL-MINISTRU HELENA DALLI TNIEDI WHITE PAPER DWAR IL-ĦOLQIEN TA’ KUMMISSJONI GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-UGWALJANZA
Lejn qafas b’saħħtu tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza
Il-Gvern vara l-proċess li bih għall-ewwel darba pajjiżna se jkollu Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. Din il-kummissjoni se tkun qed tieħu post il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli nediet white paper għall-ħolqien ta’ din il-kummissjoni fl-isfond tal-prinċipji u l-istandards żviluppati fl-aħħar sittin sena minn meta kienet adottata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Ministru Dalli fissret kif din il-white paper kienet il-pass li jmiss wara konsultazzjoni pubblika li indikat li l-iskop tal-NCPE kellu jitwessa u tinħoloq Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza b’kompetenza fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza b’mod sħiħ.
Dr Dalli enfasizzat kif il-Gvern sa mill-bidu indika li din il-kummissjoni għandha tkun imsejsa fuq il-Prinċipji ta’ Pariġi li jinkludu l-indipendenza tal-istituzzjoni, il-finanzjament tagħha u li tkun taqa’ direttament taħt il-Parlament.
Permezz tal-white paper, qed ikunu varati żewġ abbozzi ta’ liġi ewlenin:
i. Att dwar l-Ugwaljanza li l-iskop tiegħu hu li jilħaq l-ogħla standards tal-ugwaljanza u l-anti-diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, il-liġi se tkun influwenzata minn trattati internazzjonali, direttivi tal-anti-diskriminazzjoni tal-Unjoni Ewropea u liġijiet nazzjonali ta’ kontra d-diskriminazzjoni;
ii. Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza li jistabbilixxi l-Kummissjoni.
Il-Ministru Helena Dalli fissret l-importanza tat-tnedija ta’ din il-white paper fl-istess jum iddedikat għad-drittijiet tal-bniedem. Dan hekk kif l-10 ta’ Diċembru tikkommemora d-data li fiha l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda adottat id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ipproklamat il-prinċipji tagħha bħala “l-kisba ta’ standard komuni għall-popli kollha u n-nazzjonijiet kollha”.
Dr Dalli semmiet kif is-slogan internazzjonali ta’ din is-sena, Drittijiet tal-Bniedem 365, jirreferi għall-idea li kull ġurnata hija jum għad-drittijiet tal-bniedem.
Il-white paper hija miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-10 ta’ Frar 2015 u tista’ titniżżel mis-sit www.socialdialogue.gov.mt/humanrights
Is-sottomissjonijiet tal-pubbliku jiġu evalwati biex ikunu żviluppati żewġ abbozzi ta’ liġi f’dan ir-rigward, b’konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin fil-qasam.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046