STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo dalgħodu ħabbar id-dettalji tal-attività Milied f’ Casal Paola. Attività li ser tiġi organizzata għat-tmien sena konsekuttiva mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid b’kollaborazzjoni mas-Socjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule nhar is-Sibt li ġej 13 ta’ Diċembru.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq l-importanza li l-Gvern qed jagħti lin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna bi proġetti li qed iwettaq fosthom bil-proġett li tħabbar fl-aħħar budget fejn il-ground ta’ Pace Grasso ser ikun qiegħed jiġi trasformat f’ċentru tal-komunità. Buontempo sostna li dan il-Gvern wara snin twal ta’ telqa ser ikun qed jagħti prijorità lill-proġetti kapitali f’ din iż-żona ta’ pajjiżna.
Huwa tkellem ukoll fuq l-għajnuna li l-Gvern kompla jagħti lill-kunsilli lokali f’dan il-budget fosthom b’żidiet akkumulattivi ta’ madwar miljun u nofs ewro lill-kunsilli lokali. Tkellem ukoll fuq it-tisħiħ tal-fond li minnu ser ikunu qed jiġu iffinanzjati attivitajiet kulturali għall-Kunsilli Lokali, fond li llum ser ikun qed ilaħħaq il-miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo faħħar din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li fi kliemu hija immirata sabiex tagħti imbuttatura lill-komunità kummerċjali fl-istess lokalità. Komunità kummerċjali li tiġbor fiha aktar minn 100 negozju li fuqu jiddependu mijiet ta’ familji Maltin.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid il-Perit Roderick Spiteri tkellem fuq il-programm ta’ attivitajiet għall-Milied f’ Casal Paola, programm li fost l-oħrajn ser jinkludi wkoll show ta’ nar sinkronizzat ma’ għanjiet tal-Milied u kif ukoll siġra tal-Milied li hi magħmula minn madwar 3000 bozza LED li ġiet installata fil-pjazza tal-istess lokalità għall-ewwel sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046