STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Simplifikazzjoni fil-proċessi tas-Sigurtà Soċjali – b’servizz aħjar għal kulħadd
Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Socjali Michael Farrugia ħabbar kif tliet proċessi li huma ġejjin mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jkunu ssimplifikati b’effett immedjat.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif saret is-simplifikazzjoni għall-applikazzjoni taċ-Children’s Allowance. Huwa qal illi filwaqt li bħalissa meta titwieled tarbija, il-ġenituri tagħha jirreġistrawha mar-Reġistru Pubbliku u wara japplikaw għall-Allowance tat-Tfal f’xi wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali, issa l-proċedura se tinbidel biex tkun meqjusa bħala waħda iktar user friendly.
Il-Ministru Farrugia qal illi mil-lum ’il quddiem, ta’ kull ġimgħa, id-Dipartiment se jibda jirċievi d-data tar-reġistrazzjonijiet tat-twelidijiet li jkunu saru mar-Reġistru Pubbliku. Meta d-data file jiġi ipproċessat, jibda jkun ivverifikat il-ġenitur ta’ dak il-wild, filwaqt illi l-ġenituri jibdew jitħallsu bir-rata minima ta’ allowance, jekk id-Dipartiment ikollu diġà n-numru tal-kont bankarju minn xi applikazzjoni oħra għal xi tip ta’ benefiċċju ieħor.
Michael Farrugia qal illi mal-mument illi t-tarbija tkun reġistrata jiskatta l-mekkanizmu biex il-ġenituri jkunu infurmati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali li se jieħdu r-rata minima (flat rate) u jkunu mitluba li jekk iridu jipprovdu n-numru tal-mobile biex jintbagħat SMS meta jkun se jsir il-pagament. Jiġu avżati wkoll li jekk id-dħul konġunt ma jaqbiżx €24,620, għandha timtela l-applikazzjoni biex tinħadem ir-rata l-proprja.
Jekk xi ħadd mill-ġenituri jkun qiegħed jirċievi l-allowance tat-tfal diġà,u allura d-Dipartiment ikollu diġà l-informazzjoni meħtieġa, tinħadem ir-rata l-ġdida tal-allowance tat-tfal għall-wild il-ġdid u toħroġ id-differenza skont il-każ, tenna l-Ministru Farrugia.
Michael Farrugia qal illi fejn id-Dipartiment ma jkollux l-informazzjoni meħtieġa, tinħareġ notifika lill-ġenituri, fejn tinfurmahom biex japplikaw għall-allowance tat-tfal, fejn ukoll tintalab informazzjoni bħalma huma l-FS3s jew profit and loss account u n-numru tal-kont bankarju u ġieli anki dokumenti dwar kura u kustodja. F’dawn il-każijiet, l-allowance ma tiġix stmata qabel l-informazzjoni tiġi pprovduta lid-Dipartiment.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu kemm mill-Uffiċċji Distrettwali li d-Dipartiment għandu mferrxin ma’ Malta u Għawdex, kif ukoll online minn:
https://secure3.gov.mt/socialpolicy/.
Michael Farrugia qal illi l-aħħar pagamenti li saru fil-11 ta’ Settembru, 2014, qabel bdiet is-sena skolastika kienu:
Benefiċċju Familji Ammont imħallas
Children’s Allowance għal min għandu dħul anqas minn €24,620 16,880 €5,757,341
Children’s Allowance għal min għandu dħul aktar minn €24,620 22,794 €3,829,124
Totali 39,674 €9,586,465
Din l-informazzjoni tkopri tliet xhur.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Farrugia qal illi fl-aħħar jiem tlestew ukoll żewġ proċessi oħra. Spjega kif issa sar possibli biex dawk li jkunu jixtiequ numru tas-sigurtà soċjali jistgħu jagħmlu dan mill-kumdità tad-dar tagħhom stess billi japplikaw online
Il-Ministru Farrugia qal illi permezz tas-Simplifikazzjoni Amministrattiva issa sar possibli wkoll biex jekk xi ħadd ikollu deċiżjoni mit-Tribunal dwar is-sigurtà socjali u jixtieq jappella minnha, jista’ jagħmel dan online. Il-Ministru qal ukoll li l-pjanijiet li kellna marbuta mas-simplifikazzjoni għas-sena 2014 twettqu kollha, u issa qed isiru pjanijiet ġodda għas-sena li ġejja.
Meta persuna tkun tixtieq tagħmel użu minn dawn is-servizzi online trid tidhol fis-sit www.gov.mt, issib it-taqsima ‘services & information’ u minn hemm tkun tista’ ssib l-‘eforms’ għal dak is-servizz partikolari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046