Left arrow Mur Lura

INAWGURAT BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM

pr142872
Date Icon 07/12/2014

Is-sitt edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem kienet inawgurata mill-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca. Din l-esperjenza unika tfakkar il-ġrajja tat-twelid ta' Ġesù Bambin ftit aktar minn elfejn sena ilu.

Il-Kumitat Organizzattiv magħmul mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, il-Ministeru ta' Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta' Loretu u l-għaqdiet mhux governattivi ta' Għajnsielem ilu għal dawn l-aħħar xhur jiltaqa' u jipprepara għal dan l-avveniment li ta' kull sena jiġbed eluf ta' persuni.  Dan il-Kumitat ħadem id f'id mal-Kumitat Milied f'Għawdex, li twaqqaf mill-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, biex jikkoordina u joħloq attivitajiet madwar Għawdex kollu tul żmien il-Milied.

F'messaġġ li għamel, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal: “Diċembru hu xahar għal qalb il-popolazzjoni ta' dawn il-gżejjer u Għawdex reġa' qam għall-okkazzjoni biex joffri pakkett għall-persuni ta' kull età mill-kbar għaż-żgħar. Bethlehem f'Għajnsielem huwa l-flagship tal-gżejjer Maltin fi żmien il-Milied.  Rajt li mhux biss nagħti l-apoġġ finanzjajru, rizorsi umani, immaniġjar u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru għal Għawdex, imma rajt li jkun hemm l-għaqda fost kulħadd, fejn kien hemm ħitan bejn il-persuni rajt li jitwaqqgħu u jinbnew pontijiet, għaliex fejn hemm l-għaqda hemm is-suċċess."

Iċ-Chairman tal-Kumitat Milied f'Għawdex ippreżenta lill-President kopja tal-ktieb li tħejja, li jinkludi l-attivitajiet li se jsiru f'Għawdex fi żmien il-Milied u kartolina speċjali bit-timbru speċjali tal-posta fl-okkazzjoni tal-Inawgurazzjoni tal-Milied f'Għawdex.

Sar messaġġ mis-Sindku ta' Għajnsielem Francis Cauchi u minn Fr Joe Cardona f'isem il-parroċċa Madonna ta' Loretu.

L-attrazzjonijiet prinċipali f’dan il-villaġġ tan-Nattività jinkludu l-ħanut tal-mastrudaxxa, il-ħaddied, il-furnar, it-taverna u s-suq tal-ħxejjex, dawk li jagħmlu l-ħwejjeġ mis-suf, is-suq tal-artiġġjanat, il-qiegħa u d-diversi għelieqi bir-rgħajja u l-annimali.

Din is-sena, il-Forti Chambray inbidlet f’villaġġ tar-Rumani filwaqt li wieħed se jkollu wkoll opportunità li jitla’ fuq dgħajsa li se tkun miexja tul xmara attrazzjoni, liema attrazzjoni se tkun inawgurata l-ġimgħa d-dieħla.

Il-qofol ta’ Bethlehem f’Għajnsielem huwa l-grotta tal-Bambin Ġesù.

F'dan il-presepju ħaj jieħdu sehem aktar minn 150 attur. Bethlehem f’Għajnsielem ikun animat kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi pubbliċi bil-qofol tiegħu jkun nhar il-Ħadd 4 ta’ Jannar bil-miġja tas-Slaten Maġi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow