JITNIEDA L-PROĠETT DWAR KAMPANJA TA’ PROMOZZJONI GĦAL GŻIRA GĦAWDXIJA
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Żammit Lewis sostna li Għawdex huwa destinazzjoni turistika importanti u post strateġiku fil-pjan għall-iżvilupp ekonomiku illi dan il-gvern għandu għall-gżejjer tagħna. Dan qed isir fl-oqsma varji tal-ekonomija li kollha għandhom l-għan li jżidu x-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Il-Ministru għat-Turiżmu fakkar li l-impenn lejn is-settur turistiku u lejn Għawdex b’mod partikolari jidher ukoll mill-iskema ta' proġetti dwar turiżmu sostenibbli mill-intrapriżi 2007-2013. L-iskema kienet mogħtija għaxar miljun ewro u li taħt din l-iskema bbenefikaw 117-il proġett li ammontaw għal total ta’ €8,595,363.22 f’finanzjament pubbliku. Minn din l-iskema bbenefikaw ukoll tnax-il intrapriza f’Għawdex.
Iżda s-settur li naħdmu fih aħna huwa wieħed pro-attiv u ma jistenna lil ħadd, tenna l-Ministru Żammit Lewis. Il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien ma’ entitajiet konċernati kontinwament jaħdmu bla waqfien biex ikomplu fl-impenn tagħhom li jsaħħu lil gżira Għawdxija. Il-Ministru rringrazzja għall-fatt li l-Gozo Tourism Association (GTA) permezz tal-għajnuna tad-diviżjoni tal-EUPD, fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu applikaw għal proġett taħt il-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex permezz tiegħu ssir kampanja ta’ promozzjoni għall-gżira Għawdxija.
Il-proġett li jismu ‘Promotion of Gozo as a distinct destination’ huwa ffinanzjat taħt il-Fondi Agrikoli Ewropej għal Malta (2007-2013) u huwa proġett ta’ aktar minn € 227,000, tenna l-Ministru għat-Turiżmu Żammit Lewis. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jżid il-viżibilità turistika tal-gżira Għawdxija. Dan ser isir permezz ta’ studju li jevalwa s-sitwazzjoni kurrenti tas-settur kif ukoll jibni abbozz ta’ pjan għall-marketing għal din il-gżira u li l-istess pjan għandu jkopri l-perjodu ta’ tliet snin. B’dawn il-fondi ser tkun organizzata kampanja ta’ reklamar barra minn xtutna, reklamar f’Malta li għandha l-għan li żżid it-turiżmu domestiku, kif ukoll ser titella’ l-ewwel konferenza internazzjonali dwar it-turiżmu f’Għawdex. Apparti dan, spjega l-Ministru Żammit Lewis, ser isir xogħol ta’ titjib sabiex is-sit tal-GTA isir booking portal li minnu turisti u viżitaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-prenotazzjoni tagħhom. Dan għandu jżid id-dħul għal operaturi kollha li huma parti mill-GTA.
Dan il-proġett se jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla u se jagħti spinta lit-turiżmu f’Għawdex speċjalment fix-xhur l-aktar kwieti sabiex b’hekk inkomplu niżguraw li s-settur jibqa’ jopera s-sena kollha. Dan ikompli jżid max-xogħol siewi li qed jagħmel dan il-gvern illi diġà ħa diversi inizjattivi sabiex iżid t-turiżmu lejn il-gżira Għawdxija, saħaq il-Ministru għat-Turiżmu.
Għawdex ser ikollu post ċentrali fil-qalba ta’ din il-politika nazzjonali, sostna l-Ministeru tat-Turiżmu. ‘Il-Gvern jiżgura li Għawdex ikollu post ċentrali f’dawn l-abbozzi. Dan ikompli juri l-impenn tal-gvern li jwettaq il-pjan sħiħ tal-manifest tiegħu fejn wegħdna illi l-strateġija nazzjonali dwar it-turiżmu għandha tidentifika wkoll pjan ċar għat-turiżmu f’Għawdex’.
Il-Ministru Żammit Lewis fakkar li se tkun qed tiġi ppubblikata l-Viżjoni għat-Turiżmu sas-sena 2030 u Politika Aġġornata għat-Turiżmu sas-sena 2020, li permezz tagħha nistabbilixxu viżjoni aktar realistika għat-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin. F’din il-politika ser inkunu qed nħarsu lejn Għawdex bħala destinazzjoni distinta u kif ukoll tagħmel distizzjoni bejn il-prodott Malti u dak Għawdxi. F’dan ir-rigward il-Ministru Żammit Lewis ħabbar li fid-9 ta’ Jannar 2015, ser nagħtu bidu għall-konsultazzjoni, fejn il-Ministeru għat-Turiżmu ser ikun qed jaħdem sabiex niġbru u nevalwaw l-ideat ta’ kull minn jixtieq jagħti kontribut.
Il-Ministru għat-Turiżmu stqarr li Għawdex għandu jkompli jikkontribwixxi maż-żieda ta’ turisti u fakkar li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena t-turisti f’Għawdex żdiedu bi kważi 8% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Dan il-persentaġġ iqarreb ferm lejn iċ-ċifra globali reġistrata ta’ tkabbir fin-numru ta’ turisti li żaru l-Gżejjer Maltin fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. F’dan l-istess perjodu, iż-żieda fid-daytrippers kienet ta 9%.
Il-Ministru qal li matul l-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena, il-Gżira Għawdxija kompliet tirreġistra riżultati pożittivi fis-settur tal-akkomodazzjoni kollettiva. Il-lukandi ta’ ħames stilel f’Għawdex raw tkabbir ta’ kważi 7%. U li fl-istess perjodu 3,602,919-il passiġġier ivvjaġġaw lejn Għawdex. Dan ifisser żieda ta’ kważi 7% f’passiġġieri li qasmu lejn il-gżira Għawdxija meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena 2013. Dawn it-tliet xhur tas-sajf li għaddew irreġistraw rekord ta’ numru ta’ passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex partikolarment fix-xahar ta’ Awwissu. Awwissu 2014 ra l-akbar ammont ta’ passiġġieri li qasmu lejn il-Gżira Għawdxija sa minn qabel is-sena tar-riċessjoni. F’dan ix-xahar imsemmi kien hemm żieda ta’ kważi 9% fil-passiġġieri li qasmu lejn Għawdex meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2013, qal il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Żammit Lewis.
‘Irridu naħdmu aktar sabiex inżidu l-ammonti ta’ turisti li jżuruna fix-xhur il-kwieti meta l-attività f’Għawdex tkun aktar kajmana. B’hekk niżguraw kontinwità fl-attività ekonomika, xogħol aħjar għal Għawdxin, kif ukoll diversifikazzjoni turistika. Ir-raġunijiet ta’ turisti li jagħżlu lil Għawdex ivarjaw, b’37% huma viżitaturi ripetuti. 34.1% iżuru lill-gżira wara rakkomandazzjoni ta’ ħbieb u qraba. Iżda fattur interessanti wkoll hu li 30.9% ġew influwenzati jżuru Għawdex wara li raw informazzjoni minn fuq l-internet. L-importanza tal-internet qed tiżdied kuljum u aħna għandna strateġiji u proġetti sabiex inkomplu nibnu fuq dan. Il-proġett li qed nitkellmu dwaru llum hu wieħed minnhom’, ikkonkluda l-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Żammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046