IL-MINISTRU HELENA DALLI TINDIRIZZA DJALOGU PUBBLIKU DWAR L-INKLUŻJONI ATTIVA FL-EWROPA FL-ISFOND TAL-ISTRATEĠIJA EWROPEA 2020
Il-ġimgħa d-dieħla titnieda l-white paper dwar il-ħolqien ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet Umani
Waqt djalogu pubbliku bit-tema ‘Nippromwovu l-Inklużjoni Attiva fl-Ewropa’ organizzat mill-MEUSAC, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, indirizzat temi ewlenin relatati mal-qasam tad-drittijiet ċivili, l-inċentivi tal-gvern biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea jkollha strateġija dwar il-vjolenza kontra n-nisa.
Dwar l-integrazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, il-Ministru Helena Dalli semmiet kif minkejja li din is-sena żdied l-ammont ta’ nisa f’impjiegi full time, pajjiżna jista’ jibbenefika anke aktar mir-riżorsi umani disponibbli.
Filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta’ strutturi u policies biex jiġu megħjuna l-familji biex in-nisa jibqgħu fl-impjieg, Dr Dalli semmiet diversi inċentivi li daħħal il-gvern kemm is-sena li għaddiet kif ukoll fil-baġit għas-sena d-dieħla. Dawn jinkludu child care b’xejn għall-ġenituri kollha li jaħdmu u żieda fil-leave tal-maternità, fejn issa anke nisa self-employed se jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu.
Fil-qasam tad-drittijiet ċivili, il-Ministru Dalli semmiet il-qabża li għamel pajjiżna din is-sena bl-introduzzjoni tal-liġi dwar l-unjoni ċivili. B’konformità mal-kunċett Ewropew ta’ moviment ħieles tal-persuni, Dr Dalli qalet li għandna nkomplu naħdmu biex l-istatus ta’ persuna jkun rikonoxxut fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dr Dalli semmiet il-ħidma li għaddejja bħalissa fuq il-liġi tal-identità tal-ġeneru biex għall-ewwel darba il-minoranza ta’ persuni trans u intersex jingħataw id-drittijiet tagħhom. Enfasizzat li ħadd ma jagħżel kif jitwieled u għaldaqstant, din il-liġi se tkun qed tagħti soluzzjonijiet legali f’dawn iċ-ċirkustanzi.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Dalli ħabbret kif fil-ġranet li ġejjin se tkun qed titnieda white paper dwar il-ħolqien ta’ kummissjoni għad-drittijiet umani fejn din se tkun qed tieħu post il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.
Il-Ministru Helena Dalli indirizzat ukoll ir-realtà tal-vjolenza fuq in-nisa fejn kwotat stħarriġ Ewropew li sar fuq kampjun ta’ disgħin elf persuna li wera kif mara minn kull tlieta tesperjenza xi forma ta’ vjolenza. Dan apparti każijiet li ma jkunux rappurtati.
Semmiet kif Malta kienet mal-ewwel pajjiżi Ewropej li f’Lulju li għadda rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, b’obbligi ċari għal azzjoni akbar biex tkun missielta l-vjolenza kontra n-nisa, fosthom dik domestika u sesswali.
Dr Dalli fissret il-ħidma li għaddejja f’dan il-qasam fost l-oħrajn mal-akkademja tal-pulizija biex il-membri tal-korp ikomplu jingħataw it-taħriġ neċessarju dwar kif għandhom jaġixxu meta jiġu ffaċċjati b’każijiet simili.
Tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ riformi li hemm bżonn isiru biex il-qorti tkun tista’ tipproċedi fil-konfront ta’ dawk l-aggressuri li ma jattendux għas-seduti minħabba li l-Pulizija ma jirnexxilhiex issibhom biex tinnotifikahom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046