TAĦRIĠ SPEĊJALIZZAT FIS-SAĦĦA SESSWALI GĦAL NUMRU TA’ TOBBA U NURSES
pr142855
05/12/2014
“It-taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa sesswali għandha tkun prijorità sabiex jinħoloq aktar għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ tixrid ta’ dan il-mard.” Qal dan is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati lill-48 professjonist mill-qasam tas-saħħa li rċevew taħriġ speċjalizzat fis-saħħa sesswali.
Dawn it-48 professjonist jagħmlu parti minn grupp ta’ madwar 120 professjonist li matul ix-xahar ta’ Settembru ħadu sehem permezz tal-eLearning f’kors organizzat mid-Dipartiment tas-Saħħa flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u Venereoloġija. Taħriġ li kompla jżid l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex dawn il-professjonisti jkunu jistgħu jittrattaw każijiet ta’ mard li jittieħed mis-sess kif ukoll l-HIV.
Globalment, huwa stmat li fl-2012, madwar 35 miljun persuna kienu qed jgħixu bl-HIV. Din il-ġimgħa l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fakkret il-Jum Dinji tal-AIDS, bl-għan li tinħoloq kuxjenza akbar dwar l-HIV/AIDS. L-għan wara dan il-jum huwa li jkun hemm aktar għarfien fil-komunità dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-HIV, fost l-oħrajn il-ħtieġa għal appoġġ, li ma jkunx hemm diskriminazzjoni lejn persuni bl-HIV u l-ħtieġa ta’ prevenzjoni.
L-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali tiffoka fuq 4 punti ewlenin: il-prevenzjoni, it-trattament, is-sorveljanza u r-riċerka. Matul din is-sena d-Dipartiment tas-Saħħa ffoka ħidmietu fuq it-taħriġ. Ingħata taħriġ lil diversi gruppi, fosthom għalliema, uffiċjali edukattivi u kapijiet tad-dipartimenti sabiex ikunu aġġornati bl-aħħar informazzjoni u bidliet fuq is-sesswalità u s-saħħa. Aspett ieħor ta’ dan it-taħriġ kien iffokat għal-leaders ta’ gruppi ta’ żgħażagħ bis-sehem tal-Aġenzija Żgħażagħ, bl-għan li jkunu peer leaders fis-saħħa sesswali għal żgħażagħ oħra.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046