STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
pr142853
04/12/2014
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech illejla fil-Parlament għamel kalkolu tal-fantaxjenza u bla bażi.
Is-Sur Fenech qal li, skont hu, l-prezz tad-diesel u petrol li l-Gvern raħħas, u se jkompli jraħħas, għandu jkun saħansitra anqas, bid-diesel ikollu jkun, skont hu, €1.09 u l-petrol, skont hu, €1.16.
Jekk wieħed jiċċekkja mas-sorsi uffiċjali jsib li l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea m'għandu dawn il-prezzijiet. Il-prezzijiet Ewropej huma kollha ogħla minn dak li kkalkula Tonio Fenech. Wieħed jistaqsi kif l-ebda pajjiż Ewropew m’għandu l-prezzijiet msemmija mill-Oppożizzjoni. Għalhekk dawn il-kalkoli huma ħrafa.
Kieku ċċekkja, Tonio Fenech kien ukoll jikkonferma li l-prezz tal-fuel f'Malta huwa anqas mill-medja Ewropea.
Jekk naqbdu l-istess sistema ta' kalkolu li aktarx qed juża Tonio Fenech u nużawha fuq iż-żmien meta kien hu Ministru tal-Finanzi (Marzu 2008 - Marzu 2013), naraw li l-prezz tal-petrol u diesel suppost kien għola b'25%. Minflok iżda nsibu li kien għola b'35%.
Dan ifisser li bil-kejl tiegħu stess, Tonio Fenech qed jgħid li l-Gvern tiegħu kien qed jisraq lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Tonio Fenech ipprova jnaqqas ukoll l-impatt pożittiv tat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u ilma għaliex għadu ma jistax jaċċetta li dawn naqsu meta hu kien jgħid li l-familji u n-negozji għandhom jidrawhom.
Tagħmel tajjeb l-Oppożizzjoni li tippubblika d-dettalji ta' dawn il-kalkoli ħrejjef tagħha biex il-familji Maltin u Għawdxin jindunaw bid-dilentantiżmu ekonomiku tagħha.
Mhux ta' b'xejn li, taħt Tonio Fenech, id-deficit mar żmerċ b'tant miljuni.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046