Left arrow Mur Lura

MALTA TISĦAQ LI L-PROTEZZJONI TAD-DATA TAL-INDIVIDWI HIJA KRUĊJALI F’EWROPA IBBAŻATA FUQ IL-ĠUSTIZZJA

pr142843
Date Icon 04/12/2014

Waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja fi Brussell, il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ ħidma fuq livell Ewropew bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea dwar l-ipproċessar ta’ data personali taċ-ċittadini Ewropej.

Dan ifisser, fost oħrajn, li meta xi awtorità tiġi biex tiddeċiedi fi kwalunkwe stat membru jekk id-data personali tal-individwu għandhiex titħalla tintuża minn kumpaniji jew entitajiet, din l-awtorità tkun teħtiġilha timxi mar-regoli li l-Unjoni Ewropea tiffissa mal-Ewropa kollha.

Il-Ministru Bonnici saħaq ukoll fuq l-importanza li d-deċizjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, għandhom jiġu meħudha mill-awtoritajiet li jkunu l-eqreb possibbli lejn iċ-ċittadin kkonċernat. Dan jevita inkonvenjenzi żejda liċ-ċittadini tagħna.

Tkompliet ukoll id-diskussjoni dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jkun inkarigat mill-investigazzjonijiet u mill-prosekuzzjonijiet tal-offiżi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Bonnici saħaq fuq il-livell għoli ta’ indipendenza li għandu jingħata lil dan l-Uffiċċju. Il-Ministru Bonnici qal li l-membri ta’ dan l-Uffiċċju għandhom jiġu magħżula minn fost persuni li l-indipendenza u l-integrità tagħhom tkun assigurata.

Il-Ministri tal-Ġustizzja tkellmu wkoll fuq direttiva ġdida li qed tissawwar fuq livell Ewropew dwar il-presunzjoni tal-innoċenza u tal-fatt li kull min jiġi akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati.

Waqt dan il-Kunsill intlaħaq ukoll qbil bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fuq ir-Regolament rivedut dwar il-proċeduri ta’ falliment u stralċ.

Dan ir-Regolament rivedut jagħmilha aktar faċli għan-negozjanti li jkunu qegħdin jiffaċjaw diffikultajiet finanzjarji serji, f’kuntest transkonfinali, biex jgħaddu mill-proċeduri ta’ irkupru.

Intlaħaq qbil wkoll fuq ir-reviżjoni tal-komposizzjoni u l-kompetenzi mogħtija lill-Aġenzija Eurojust.

Il-Ministri ddiskutew ukoll il-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin (foreign fighters) u x’bidliet fil-liġijiet kriminali tal-Istati Membri għandhom isiru biex titkompla ġlieda sħiħa kontra dan il-fenomenu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow